Lokali Unjoni Ewropea

“Ma waqaftx naħdem biex nassigura li ssir ġustizzja” – David Casa

Ritratt: Jonathan Borg

Mill-uffiċċju tiegħu fil-Parlament Ewropew fi Brussell, il-Membru tal-Parlament Ewropew David Casa qal: “Nirreferi għall-allegazzjonijiet li saru llum fil-Qorti li Yorgen Fenech ried li jien ma niġix elett Membru tal-Parlament Ewropew fl-2019. Ninnota li dawn l-allegazzjonijiet m’humiex ġodda u diġà saru fl-aħħar xhur.

Il-fatt li Yorgen Fenech kien is-sid ta’ 17 Black seta’ sar magħruf biss wara l-intervent tiegħi mal-bank f’Dubaj li fihom kien hemm dawn il-kontijiet. L-azzjoni tiegħi wasslet biex dawn il-kontijiet ikunu ffriżati.

Jekk kien hemm attentati minn Yorgen Fenech biex jien nagħlaq ħalqi, hu ċar li dawn fallew. Għal dawn l-aħħar 4 snin, jien ħdimt bla heda biex nassigura li l-każijiet ta’ korruzzjoni u ħasil tal-flus li nikxfu mill-Panama Papers u minn Daphne Caruana Galizia jkunu investigati, u dawk involuti jitressqu l-Qorti. Mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, jien qatt ma waqaft naħdem biex nassigura li ssir ġustizzja.

Jien grat lejn l-elettorat li tagħni l-unur li nkompli nkun il-vuċi tagħhom fil-Parlament Ewropew – biex inkompli niddefendi għall-ġustizzja, u biex ikollna istituzzjonijiet b’saħħithom, indipendenti u kredibbli li verament jiddefendu l-poplu Malti.”

Fl-elezzjoni tal-2019, David Casa ġab l-akbar numru ta’ voti fil-karriera politika tiegħu. Illum, Casa hu parti mill-Bureau tal-Parlament Ewropew u hu l-MPE Malti bl-ogħla kariga.