Futbol Sport

Mainz jaħsdu lil Borussia Dortmund u Leipzig jitilfu vantaġġ doppju

(Ritratt: EPA)

Mainz kważi aċċertaw posthom fil-Bundesliga wara li barra minn darhom ħasdu lil Borussia Dortmund b’rebħa ta’ 2-0. JONATHAN BURKARDT fetaħ l-iskor fit-33 minuta u JEAN-PHILIPPE MATETA rdoppja fid-49 minuta minn penalty.

Leipzig naqsu li jaċċertaw posthom fil-UEFA Champions League staġun ieħor wara li tilfu vantaġġ doppju kontra Fortuna Düsseldorf. KEVIN KAMPL u TIMO WERNER skorjaw bejn is-60 u t-63 minuta iżda wara li STEVEN SKRZYBSKI naqqas id-distakk fis-87 minuta, ANDRE HOFFMANN ġab id-draw fit-92 minuta.

Bayer Leverkusen reġgħu jinsabu fir-raba’ post b’rebħa ta’ 3-1 kontra Köln. SVEN BENDER, KAI HAVERTZ u MOUSSA DIABY skorjaw għal Leverkusen, b’SEBASTIAAN BORNAUW kien għamel l-iskor 2-1 fid-59 minuta.

Is-sensiela negattiva ta’ mingħajr rebħa fil-kampjonat għal Schalke żdiedet għal 14-il logħba. Huma kienu megħluba 2-1 minn Eintracht Frankfurt b’gowls minn ANDRE SILVA u DAVID ABRAHAM. WESTON MCKENNIE naqqas id-distakk.

Bundesliga

Ilbieraħ: Borussia Mönchengladbach v Wolfsburg 3-0, Freiburg v Hertha Berlin 2-1, Union Berlin v Paderborn 1-0, Werder Bremen v Bayern Munich 0-1

Illum: Eintracht Frankfurt v Schalke 2-1, Augsburg v Hoffenheim 1-3, Bayer Leverkusen v Köln 3-1, Borussia Dortmund v Mainz 0-2, Leipzig v Fortuna Düsseldorf 2-2