Lokali Unjoni Ewropea

“Malta ma tiflaħx iktar waħedha għat-toqol tal-immigazzjoni” – Adrian Delia

Nippretendu li l-Unjoni Ewropea tgħinna minnufih

“Malta ma tista’ qatt titħalla waħedha quddiem l-isfida kbira tal-immigrazzjoni, bħalma s-sehem tagħna nagħmluh biex insalvaw il-ħajjiet u nħarsu l-obbligi internazzjonali tagħna hekk ukoll nippretendu li l-Unjoni Ewropea tagħti s-sehem tagħha wkoll. L-immigrazzjoni hija sfida ewlenija għall-Ewropa kollha u se nibqgħu ninsistu bis-saħħa kollha li l-Ewropa ma tħalliniex waħedna.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt summit tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) li sar bil-video conferencing.

Adrian Delia reġa’ wassal il-messaġġ l-Ewropa trid turi s-solidarjeta’, elenka d-diffikultajiet ta’ pajjiżna u saħaq li dawn għandhom jitpoġġew fuqnett tal-aġenda Ewropea fejn jeħtieġ azzjoni immedjata. Dan meta pajjiżna qed jaffaċċja sfidi kbar fl-immigrazzjoni, ma jiflaħx iktar għal dan it-toqol u meta huwa mistenni li jkun hemm iżjed każijiet ta’ immigrazzjoni irregolari matul ix-xhur li ġejjin tas-sajf.

Matul is-summit, Adrian Delia tkellem ukoll dwar it-turiżmu f’dan iż-żmien tal-pandemija u jekk hemmx pjan ċar Ewropew fir-rigward ta’ turiżmu madwar l-Ewropa. Jeħtieġ li nagħtu l-għajnuna u l-appoġġ lill-ekonomija speċjalment meta 19% tal-GDP ta’ pajjiżna jiddependi mit-turiżmu u fid-dawl li l-awtoritajiet tas-saħħa Ewropej qegħdin jisħqu fuq il-kawtela meta pajjiżi oħra qegħdin jesperjenza t-tieni mewġa tal-virus COVID-19.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li meta l-Unjoni Ewropea qegħda tressaq biljuni ta’ ewro f’fondi u pakketti ekonomiċi għall-pajjiżi membri għall-għajnuna fi żmien il-pandemija, l-Gvern mhux qed jagħti informazzjoni u għadu ma qalx kemm se jkun il-pakkett ta’ għajnuna f’fondi u kif se nagħmlu l-aqwa użu minn dawn il-fondi u għajnuniet biex ngħinu s-setturi ekonomiċi li jinsabu f’diffikulta’ u li qegħdin ibatu minħabba dan iż-żmien tal-pandemija. Adrian Delia enfasizza li l-Gvern għandu jagħmel l-almu kollu biex jinnegozja fl-aħjar mod biex iġib l-ikbar ammont ta’ fondi f’għajnuna għan-negozji u l-ħaddiema tagħna.