Futbol Sport

Manchester City isaħħu t-tieni post … kontroversja fil-konfront Aston Villa v Sheffield United

(Ritratt: EPA)

Manchester City saħħew it-tieni post b’rebħa ta’ 3-0 kontra Arsenal fl-Etihad Stadium fir-ritorn tal-Premier League. It-tim ta’ Pep Guardiola mar fil-vantaġġ fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima. David Luiz naqas li jikkontrolla passaġġ ta’ Kevin De Bruyne, bil-ballun jispiċċa għand Raheem Sterling li għeleb lil Bernd Leno.

City irduppjaw fil-50 minuta meta ngħataw penalty għal fawl ta’ Luiz fil-kaxxa fuq Riyad Mahrez, bir-referee Anthony Taylor ikeċċi wkoll lid-difensur. Mill-11-il metru, Kevin de Bruyne ma żbaljax. Phil Foden issiġilla r-rebħa fil-91 minuta b’gowl minn rebound.

Aktar kmieni, Aston Villa u Sheffield United spiċċaw 0-0 f’Villa Park. Il-logħba kienet karatterizzata minn episodju mhux tas-soltu hekk kif Sheffield United suppost marru fil-vantaġġ meta minn free-kick fuq it-tieni lasta ta’ Oliver Norwood, il-gowlkiper Orjan Nyland deher isalva l-ballun minn wara l-linja, iżda r-referee Michael Oliver ma ġiex innotifikat mill-arloġġ tal-goal-line technology u ħalla l-logħob għaddej.