Internazzjonali

Renju Unit: Boris Johnson jiddefendi lill-Gvern fost l-impatt potenzjali tal-Covid-19 għat-tfal foqra

Il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, insista li kien hemm tnaqqis fil-faqar fost it-tfal u li l-Gvern tiegħu – filwaqt li hu inkwetat ħafna dwar l-effetti tal-Covid-19 fis-soċjetà – qed jagħmel l-almu biex jimminimizza l-impatt (mill-infezzjonijiet) fuq it-tfal li ġejjin mill-aktar familji foqra fir-Renju Unit.

Ir-Renju Unit, bħalissa, qed jistejqer minn xhur ta’ lockdown dovuti għall-effetti tal-Covid-19 li rriżultaw f’mijiet ta’ mejtin madwar il-pajjiż.

Sadanittant, Johnson qed jinsisti li l-aħjar tweġiba tal-Gvern, f’dawn iċ-ċirkustanzi, hu li jaċċerta li t-tfal jistgħu jirritornaw għal-lezzjonijiet fl-iskejjel f’sitwazzjoni li tipprovdi l-akbar sigurtà possibbli.

Il-Prim Ministru Britanniku, fl-istess ħin, akkuża lill-Kap Laburista fl-Oppożizzjoni, Keir Starmer, dwar ‘indeċiżjoni’ f’issue daqstant importanti.

Starmer, qabel, kien ikkritika lill-Gvern Britanniku dwar rapport li ħareġ jiem ilu u li suġġerixxa li l-faqar ‘fost it-tfal’ kien żdied b’600,000 każ anki minn qabel l-impatt tal-coronavirus.

Fl-istess ħin, il-Gvern Britanniku, fl-aħħar jiem, iddeċieda li jagħmel U-turn u jkompi jipprovdi servizz ta’ ikel b’xejn lit-tfal tal-iskola. Dan wara l-inizjattiva mibdija mill-plejer tal-futbol tal-Premier Ingliż, Marcus Rashford (li jilgħab ma’ Manchester United) li sab appoġġ kbir popolari għall-kampanja tiegħu biex jibqgħu jingħataw vouchers tal-ikel lill-inqas tfal privileġġjati.

Keir Starmer laqa’ tajjeb id-deċiżjoni biex l-ikel ikun provdut b’xejn fl-iskejjel skont skema universali. Fl-istess ħin, il-Gvern ta’ Johnson hu impenjat ukoll biex iwassal il-pakketti tal-ikel – magħrufin bħala ‘Covid summer food packages’ lill-aktar familji fqar fir-Renju Unit.

Sadanittant, Boris Johnson qed jiċħad kategorikament il-kummenti tal-Oppożizzjoni Laburista dwar ‘il-faqar relattiv u assolut li laħqu livelli inaċċettabbli fil-pajjiż’ u insista li l-faqar qiegħed jonqos taħt il-Gvern tiegħu.

Johnson kompla li l-familji li qed jgħixu fil-faqar fir-Renju Unit naqsu bil-mijiet tal-eluf mill-2010 ‘il hawn.