Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li ammetta li ta bis-sikkina

Ġlieda bejn żewġt irġiel mill-Ghana spiċċat b’wieħed minnhom midrub serjament u l-ieħor jiffaċċa akkużi kriminali. Isaac Ageyi Kumih, residenti Ħal-Qormi ta’ 36 sena, mill-Ghana ġie akkużat li poġġa l-ħajja ta’ raġel ieħor mill-Ghana f’periklu serju u li weġġa’ gravi fil-Ħal Qormi.

L-inċident seħħ fil-15 ta’ Ġunju għall-ħabta tal-10.00 pm. fi Triq il-Kanun.
Huwa ġie akkużat ukoll li kiser il-paċi pubblika. Il-Maġistrat Victor Axiak sema’ lill-Ispettur Roderick Agius jirrakkonta kif dak il-lejl, il-vittma kien mar l-Għassa tal-Pulizija f’Ħal Qormi mimli kollu dmija, u kien ittieħed l-isptar.

Hemm kien ġie ċċertifikat li qed issofri minn feriti serji kawża ta’ daqqiet ta” sikkina li qala’. Il-Pulizija qalet li l-irġiel kienu involuti f’argument fiżiku li wassal għall-feriment.

Kumih sofra wkoll ġrieħi ħfief fl-inċident. Huwa wieġeb li huwa ħati tal-akkużi miġjubin kontrih u ġie kkundannat sentejn ħabs, sospiżi għal erba’ filwaqt li nħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.