Internazzjonali

Il-Covid-19 fl-Istati Uniti: Numru rekord ta’ infezzjonijiet f’Arizona, Texas u Florida

L-awtoritajiet fl-Istati Amerikani ta’ Arizona, Texas u Florida irrappurtaw l-akbar żidiet rispettivi ta’ infezzjonijiet għal ġurnata waħda.

L-aħħar ċifri għal Arizona kienu ta’ 2,392 ( fuq perjodu ta’ 24 siegħa), bi Florida tirrapporta 2,783 każ u b’Texas jikkonferma 2,622.

Il-proċessi tat-testijiet żdiedu f’dawn it-tliet Stati fin-naħa t’isfel tal-Istati Uniti. Dan meta naqsu r-restrizzjonijiet tal-lockdown bil-għan li jieħdu spinta l-ekonomiji ta’ Arizona, Texas u Florida.

Il-Gvernatur ta’ Florida, Ron DeSantis, qed jirrifjuta ċar u tond l-akkużi li l-ispinta fl-infezzjonijiet bil-Covid-19 jistgħu huma ‘fattur’ dovut għall-ftuħ mill-ġdid tan-negozji lokali.

De Santis, fl-istess ħin, insista li l-Istat ta’ Florida mhux se jerġa’ jagħlaq is-setturi tal-ekonomija tieghu. Hu anki tenna li ‘is-soċjetà għandha tingħata ċ-ċans li tiffunzjona f’dawn iċ-ċirkustanzi’.

Il-Viċi-President tal-Istati Uniti, Mike Pence, sadanittant, ippubblika artiklu li jirrifletti l-opinjoni tiegħu fil-Wall Street Journal u li fih qal li ‘it-tħassib dwar il-Covid-19 huwa eżaġerat’.

Sadanittant, il-President Amerikan, Donald Trump, fi tmiem il-ġimgħa, mistenni jkollu rally għall-pubbliku f’Oklahoma, minkejja l-fatt li l-infezzjonijiet bil-Covid-19 qegħdin jiżdiedu f’dan l-Istat.