Għawdex Lokali Saħħa

“Steward Health Care ma jistgħux jibqgħu jagħmlu li jridu” – MUMN

“Ma nistgħux nibqgħu f’sitwazzjoni fejn lil ta’ Steward ma jindaħlilhom ħadd…u l-Gvern qed jaħsel idejh mill-aspett soċjali li qed jaffettwa lill-familji Għawdxin.”

Dikjarazzjoni ċara mill-President tal-MUMN Paul Pace fir-rigward tal-infermiera barranin li ġew impjegati fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Dan meta skont il-ftehim li hemm fis-seħħ, dejjem ġew impjegati dawk l-infermiera Għadxin li jaħdmu Malta.

Il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel qed titlob lil-Gvern ta’ Robert Abela sabiex immedjatament iwaqqaf lill-management ta’ Steward Health Care milli jkomplu jimpjegaw infermiera barranin fl-Isptar Ġenrali ta’ Għawdex, peress li dan qed joħloq konsegwenzi serji. Dan il-pass qed iwassal biex numru kbir ta’ infermieri Għawdxin li jaħdmu f’Malta, u li jammontaw għal 160, tispiċċalhom it-tama li xi darba jmisshom imorru jaħdmu Għawdex qrib il-familji tagħhom.

Dan qed iwassal biex jinkiser il-ftehim li hemm eżistenti bejn il-Gvern, l-MUMN u Steward li jistipola li jkunu jistgħu jimpjegaw infermiera barranin biss meta ma jibqax nurses Għawdxin jaħdmu Malta.

F’Konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-bini ta’ Kastilja l-MUMN qalet li qed twassal id-diżappunt tagħha f’isem l-infermiera għall-fatt li l-Gvern donnu qed jipprova inaqqas l-importanza u l-kontribut li taw in-nurses waqt il-pandemija tal-coronavirus.

Fi stqarrija li harget fl-ahhar jiem f’isem id-deputati Chris Said, Kevin Cutajar, Frederick Azzopardi u Stephen Spiteri, il-Partit Nazzjonalista qal li dak li qed jiġri bħalissa huwa prova oħra ċara ta’ kemm kien żball enormi li l-uniku sptar f’Għawdex jiġi privatizzat.