Internazzjonali

Tensjoni akuta maċ-Ċina: Il-Prim Ministru tal-Indja jgħid li s-suldati tiegħu ‘ma mitux għalxejn’

Il-Prim Ministru tal-Indja, Narendra Modi, għamel l-ewwel stqarrija pubblika wara l-battalja qattiela, fil-bidu tal-ġimgħa, bejn il-militar ta’ pajjiżu u t-truppi taċ-Ċina li seħħet f’zona tal-fruntiera polemikuża fir-reġjun tal-Himalayas.

Fil-battalja mietu 20 suldat Indjan li kienu jinkludu kurunell tal-Armata u Modi, f’diskors fuq il-mezzi tax-xandir, wissa li ‘mewthom ma kienx għalxejn’. Dan meta t-tensjoni mal-Gvern ta’ Beijing jinsab fl-ogħla livell għal ħafna snin.

L-Indja u ċ-Ċina t-tnejn qed jinsistu li waqt il-battalja, fil-Wied ta’ Galwan — li jinsab fir-reġjun ta’ Ladakh ( fit-territorju ta’ Kashmir) – ma ntużawx l-armi tan-nar skont patt antik bejniethom. Intant, is-suldati rivali ġġieldu ma’ xulxin bil-lembubi u injam tal-bamboo bl-imsiemer imwaħħlin magħhom.

Xi rapporti qalu li numru ta’ suldati Indjani mietu wara li waqgħu mill-għoli – biċ-Ċina ma tiżvelax jekk hi ukoll sofrietx il-vittmi f’dan il-konfront. Fl-istess ħin, l-Indja qed tgħid li numru ta’ suldati tagħha li spiċċaw midruba fil-ġlieda tħallew esposti għall-friża qalb artijiet għoljin fiz-zona.

L-eskalazzjoni tal-inkwiet bejn l-Indja u ċ-Ċina qed titqies bħala waħda ‘straordinarja’ — bil-konfront ikun l-ewwel bejn il-militar taż-żewġ pajjiżi li ssarraf fl-imwiet f’dik iz-zona ta’ Kashmir għal talanqas 45 sena.

L-Indja qalet li ċ-Ċina qed tipprova ‘tibel l-istatus quo fir-reġjun b’mod unilaterali’ waqt li ċ-Ċiniżi akkużaw lit-truppi Indjani dwar ‘attakk fuq il-membri tas-servizzi (militari) tagħhom’.

Filwaqt li r-rappreżentanti taż-żewġ Armati kellhom taħditiet biex jippruvaw iberrdu s-sitwazzjoni il-konfront qajjem rabja u protesti fl-Indja fejn in-nies ħarqu l-bnadar taċ-Ċina flimkien ma’ posters tal-President Ċiniż, Xi Jinping,

Min-naħa tiegħu, Narendra Modi qal li l-Indja trid il-paċi ‘iżda xorta waħda – u ladarba tkun ipprovokata  — kapaċi tagħti tweġiba xierqa, fi kwalunkwe sitwazzjoni’. Dan meta ċ-Ċina kompliet takkuża lill-militar Indjan dwar ‘infiltrazzjoni’ fl-inħawi tal-Himalayas ikkontrollat minnhom — bil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin f’Beijing jinsisti li jrid jevita aktar konfronti, fost l-istqarrijiet li ‘mgħandux jaċċetta t-tort għal dak li seħħ’.