Lokali Qorti

Tmien xhur ħabs wara li seraq minn ħwienet f’San Pawl il-Baħar għad-droga

Raġel li għandu problema ta’ droga u li kellu fil-pusses tiegħu raża meħuda mill-pjanta kannabis ġie kundannat tmien xhur ħabs mill-Maġistrat Charmaine Galea wara li ammetta li f’dan ix-xahar ta’ Ġunju seraq minn diversi ħwienet f’San Pawl il-Baħar.

Ir-raġel li ismu ma jistax jissemma fuq ordni tal-Qorti ammetta li kkommetta serq ta’ diversi oġġetti u prodotti, għad-dannu ta’ diversi persuni. Fis-sentenza tagħha l-Qorti kkunsidrat il-fatt li l-imputat ammetta għall-akkużi miġjuba kontra tiegħu.

Il-Qorti semgħet ukoll lill-Probation Officer Rona Agius Custò li spjegat lill-Qorti li l-imputat għandu bżonn jiġi segwit minn professjonisti biex jegħleb il-vizzju tad-droga u problemi oħra u minbarra piena ta’ tmien xhur priġunerija ġie kundannat €50 multa.

Il-Qorti ħarġet ukoll Ordni ta’ Trattament ghal perjodu ta’ tliet snin biex huwa jiġi mgħejjun jegħeleb il-vizzju li ħakmu sew u ordnat ukoll il-konfiska tad-droga esebita. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Clayton Camilleri.