Lokali

Yorgen Fenech kellu informazzjoni dwar korruzzjoni fil-Gvern Laburista

Fenech ried ikellem lill-Assistent Kummissarju Ian Abdilla

28 ta’ Novembru 2019. Kulħadd jiftakar dak il-lejl twil f’Kastilja, u l-laqgħa tal-Kabinett li damet għaddejja sa kmieni filgħodu. Dakinhar, Joseph Muscat u l-Kabinett tiegħu kienu ċaħdu t-talba li għamel l-imprenditur Yorgen Fenech għall-Maħfra Presidenzjali.

U issa, kważi 7 xhur wara, ħarġet informazzjoni ġdida li ġiet konfermata lil Net News mill-avukati ta’ Fenech.

Fil-fatt jirriżulta li fid-29 ta’ Novembru, l-għada li seħħet il-famuża laqgħa-maratona f’Kastilja…Yorgen Fenech talab li jiltaqa’ mal-Assistent Kummissarju Ian Abdilla biex jiżvela dak li qed jissejjaħ “korruzzjoni fil-Gvern”.

30 ta’ Novembru 2019. Fenech jitressaq il-Qorti akkużat bl-involviment tiegħu fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Hu ma ingħatax il-liberta’ proviżorja.

Meta tkellem mat-Times of Malta, Ian Abdilla stqarr li kien biss wara din id-data li waslitlu l-informazzjoni li Fenech xtaq ikellmu. “Iżda imbgħad f’dak il-punt, Fenech ma xtaqx jitkellem fuq il-każi l-oħra”, jikkummenta Ian Abdilla mat-Times.

Ma’ dan is-sit, l-avukat Marion Camilleri irrepetiet dak li qalet lit-Times u insistiet li Yorgen Fenech kellu jiġi mitkellem minn Abdilla. Iżda dan qatt ma ġie lura għas-sejħa qabel Fenech tressaq il-Qorti.