Lokali

Aktar proposti imressqa mill-PN jiġu implimentati mill-Gvern

L-Awtorita' tal-Ippjanar

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista tilqa’ b’sodisfazzjon il-miżuri li fl-aħħar jiem il-Gvern Laburista beda jimplimenta, liema miżuri ġejjin minn uħud mill-ħafna proposti li l-Partit Nazzjonalista ressaq fl-aħħar xhur.

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mid-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina.

Fil-ġimgħat li għaddew, bħala Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport u Mobbiltà, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, kont sħaqt fil-Parlament sabiex filwaqt li s-sistema ta’ smiegħ elettroniku ta’ każi quddiem il-Kummisjonijiet tal-Awtorità tal-Ippjanar għandhom jibqgħu jseħħu anke wara li tgħaddi l-imxija tal-COVID-19, għandha tingħata l-għażla li min jixtieq isegwi s-smiegħ ta’ dawn il-Kummisjonijiet b’mod konvenzjonali, jkun jista’ jagħmel dan. Dan ifisser li dak li jkun ikollu l-possibilità li jew jattendi għas-seduta virtwalment mill-kumdità ta’ daru jew inkella jagħmel dan fil-bini tal-Awtorità tal-Ippjanar.


Il-PN jilqa’ wkoll il-miżura li l-Gvern qed jagħmel bi sħab mal-Kunsilli Lokali, ntiża sabiex jonqos it-traffiku fil-qalba tal-irħula. Din kienet waħda mill-proposti tal-Pre-Budget Document li l-PN kien ressaq f’Ottubru li għadda.

Dan kollu, tgħid l-istqarrija, jixhed kif il-Partit Nazzjonalista qed ikun Oppożizzjoni li tikkritika fejn hemm bżonn però fl-istess waqt tressaq ‘il quddiem il-proposti u tħoss sodisfazzjon tarahom implimentati, għall-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.