Internazzjonali

Covid-19: Jiem diffiċli għall-Peru u l-Indja — bil-Ġermanja mħassba dwar ‘splużjoni’ ta’ infezzjonijiet ġo biċċerija

L-awtoritajiet fil-Peru, wieħed mill-Istati Latini-Amerikani li ntlaqtu l-agħar mill-coronavirus, issa żvelaw li hemm ‘il fuq minn 240,000 każ tal-virus f’pajjiżhom. It-total jissupera l-ammont tal-każi fl-Italja li xahrejn ilu kienet magħrufa bħala l-epiċentru tal-Covid-19 fl-Ewropa.

L-infezzjonijiet fil-Peru, intant, huma anqas sew minn tal-Brażil fejn kienu rappurtati total ta’ kważi miljun u fejn mietu aktar minn 45,000 mill-effetti. Dan meta l-Peru estenda l-lockdown fl-artijiet tiegħu sat-30 ta’ Ġunju.

L-Amerika Latina issa saret l-epiċentru attwali tal-coronavirus b’aktar minn erba’ miljun infezzjoni kkonfermati. Iċ-Ċile wkoll intlaqtet ħażin ħafna f’din il-kriżi, bl-esperti tas-saħħa jemmnu li l-ammonti proprja tal-infettati f’dak il-pajjiż, fil-Peru u l-Brażil kapaċi huma ferm ogħla milli qed jindikaw iċ-ċifri uffiċjali.

L-Indja wkoll qed tirrapporta ammonti allarmanti ta’ infezzjonijiet u meta s-sistema għall-kura tas-saħħa f’dan il-pajjiż bilkemm qed tlaħħaq mal-każi. It-12,881 infezzjonijiet ġodda mill-Covid-19 għal ġurnata waħda (skont l-aħħar rapport minn dan il-pajjiż) ifissru li l-Indja laħqet rekord ġdid f’dak li jirrigwarda ‘każi ġodda fuq perjodu ta’ 24 siegħa’.

Fil-Ġermanja, eluf ta’ nies iridu jqattgħu perjodu ta’ kwarantina wara li ħarġu l-mijiet ta’ każi f’biċċerija li tinsab f’Gutersloh, lejn il-majjistral tal-pajjiż. L-impjant inkwistjoni jinsab magħluq wara li ‘il fuq minn 650 persuna fis-sit testjaw pożittiv għall-Covid-19.

Sadanittant, il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, ħeġġet lill-Unjoni Ewropea biex taqbel malajr dwar baġit ‘għal diversi snin’ u biex jitwaqqaf fond li għandu jgħin biex ‘l-ekonomiji l-aktar dgħajfin tal-Unjoni jirkupraw mill-impatt tal-Covid-19’.

Merkel, waqt diskors lill-Parlament tal-Ġermanja, qalet li hu kruċjali li l-Istati tal-UE juru solidarjetà ma’ xulxin biex joħorġu bl-inqas danni possibbli mill-katastrofi ekonomiku duvot għall-pandemija. Hi sostniet li ‘il-pandemija uriet kemm għadu fraġli l-proġett tal-Ewropa’ u li ‘l-impenn kollettiv li jindirizza l-kriżi fl-ekonomija jibqa’ fost l-akbar sfidi fl-istorja tal-kontinent’.

Il-Ġermanja, mill-1 ta’ Lulju, tassumi l-Presidenza tal-UE sal-aħħar tal-2020.