Internazzjonali

COVID-19: Mietu qrib il-500 tobba fir-Russja, bir-rata tal-infezzjoni tibqa’ għolja

Ir-Russja żvelat li mietu qrib il-500 tobba fl-artijiet tagħha wara li spiċċaw infettati mill-Covid-19.

L-informazzjoni ngħatat mill-osservatur tas-saħħa Roszdravnadzor, biċ-ċifra timmarka qabża sinifikanti mill-101 imwiet ta’ tobba Russi rappurtati matul ix-xahar li għadda.

Is-sorsi qrib l-osservatur qed jindikaw li fattur ewlieni li kontribwixxa għall-imwiet tat-tobba kienu ‘il-problemi u l-intoppi waqt id-distribuzzjoni ta’ tagħmir protettiv lit-tobba u lill-ħaddiema Russi oħrajn li jservu bħala front-liners fil-ġlieda kontra l-coronavirus.’

L-awtoritajiet ewlenin f’Moska ma kkummentawx formalment dwar stqarrija li ‘kien hemm in-nuqqasijiet’ fil-kampanja inizjali tar-Russja biex tikkonfronta l-effetti tal-Covid-19.

Ir-Russja hi t-tielet l-akbar pajjiż fid-dinja b’każi kkonfermati ( ‘il fuq minn 561,000) tal-Covid-19. Fl-aħħar perjodu speċifiku ta’ 24 siegħa, ir-Russja kellha 7,790 infezzjonijiet ġodda, biċ-ċifra tal-imwiet uffiċjali tkun stabbilita (sal-bieraħ) mas-7,760.

Intant, ir-Russja qed tiċħad l-akkużi tal-Ministru Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Dominic Raab, fis-sens li l-awtoritajiet f’Moska qegħdin jippruvaw ‘jiggwadanjaw’ mill-pandemija tal-coronavirus.

Raab qal li l-coronavirus ħoloq ‘tieqa ta’ opportunità’ għal pajjiżi bħar-Russja biex jużaw il-mezzi ċibernetiċi u mezzi oħra biex jisfruttaw l-isfidi relatati mal-kriżi tal-Covid-19.

Skont Dominic Raab, ir-Russja, flimkien maċ-Ċina u l-Iran, qegħdin jippruvaw jieħdu vantaġġ mill-pandemija bil-għan li jsostnu l-interessi tagħhom fuq livell globali. Fl-istess ħin, il-Ministru Britanniku għamilha ċara li ‘din il-politika tar-Russja ma affettwat xejn ir-reazzjoni tar-Renju Unit (għal kontra l-coronavirus) fis-settur tas-saħħa’.

Kelliema għall-Kremlin ta’ Moska, sadanittant, wieġbu li ma jaqblux assolutament ma’ kummenti bħal ta’ Raab. Il-messaġġ tar-Russja hu li Moska qed tippromwovi l-kooperazzjoni fuq livell nazzjonali fil-ġlieda kontra l-coronavirus u li tikkunsidra ċertu kummenti fil-konfront tagħha bħala ‘assurdi’.