Lokali

“Ħassejtni skomdu meta Keith Schembri ssejjaħ għall-interrogazzjoni” – Lawrence Cutajar

L-eks Kummissarju tal-Pulizija ma jeskludix li hemm aktar persuni involuti fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Waqt intervista fuq il-programm XTRA, l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar ammetta li ħassu skomdu meta l-eks Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri, ġie msejjaħ għal interrogazzjoni b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

L-eks Kummissarju tal-Pulizija, li preżentament spiċċa taħt investigazzjoni wara xhieda li aktar kmieni din il-ġimgħa instemgħet fil-Qorti, ma ċaħadx il-possibilità li hemm aktar persuni involuti fil-qtil apparti t-3 eżekuturi, Yorgen Fenech u l-middleman Melvin Theuma.

Fin-nofs: Melvin Theuma

Dan wara li, meta ġie mistoqsi hemmx aktar nies involuti, Cutajar wieġeb li sakemm ġie biex jitlaq mill-ogħla kariga fil-Korp, “l-investigazzjonijiet kienu għadhom għaddejjin, naħseb weġibtek”.

Mistoqsi jekk kienx jaf lil Melvin Theuma, bħal ma nstemgħa jgħid Theuma nnifsu fir-recordings Lawrence Cutajar ċaħad kategorikament li jafu jew li qatt xi darba kelmu qabel mal-Pulizija kellha fil-pussess tagħha r-recordings li qed jinstemgħu fil-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-Qorti. Cutajar sostna li dawn ir-recordings b’xi mod jew ieħor saru jafu li jeżistu madanakollu baqa’ ma’ żvelax minn fejn il-Pulizija waslilhom dan it-tagħrif.

“Jekk irid xi ħaġa hu, nieħu xi ħaġa jien ukoll”

Madanakollu, Lawrence Cutajar ammetta li huwa kien jaf li Theuma kien jiffrekwenta lil Edwin Brincat, magħruf bħala l-Ġojja u ammetta wkoll li lill-Ġojja kien ilu jafu ‘il fuq minn 30 sena. Hawnhekk, Lawrence Cutajar ikkonferma li Brincat kien mar ħabbatlu mal-bieb tad-dar tiegħu biex ikelmu dwar ċitazzjoni li Brincat ried li tiġi maħfura.

L-eks Kummissarju tal-Pulizija sostna li kif ġie għandu jitolbu xi ħaġa ried jaħtaf l-opportunità u jistaqsih dwar ir-recordings ta’ Theuma, ‘jekk irid xi ħaġa hu, nieħu xi ħaġa jien ukoll’. Madanakollu l-Ġojja ċaħad li kien jaf bihom u għaldaqstant Cutajar kompla jgħid li ġaladarba huwa ma ħa xejn mingħandu, il-parir li tah fuq iċ-ċitazzjoni kien li jkellem avukat.

Ritratt: Times of Malta

Mistoqsi dwar jekk Keith Schembri qatt ġie msemmi fl-investigazzjoni, Lawrence Cutajar sostna li qabel ma nstabu r-recordings ismu qatt ma ġie msemmi, iżda sostna li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

Dwar l-eks Deputat Kummissarju Silvio Valletta, Lawrence Cutajar saħaq li f’għajnejh huwa dejjem mexa b’integrità. Meta mistoqsi jekk huwa qatt ġie użat waqt il-laqgħat li kienu jsiru b’rabta mal-investigazzjoni huwa saħaq li “kollox jista’ jkun”.

L-investigazzjonijiet dwar il-Panama Papers għadhom għaddejjin

Mistoqsi wkoll dwar il-konsulenza li ngħata mal-Gvern wara r-reżenja tiegħu minn Kummissarju tal-Pulizija, Lawrence Cutajar sostna li din ingħatatlu wara li ġie avviċinat mill-Gvern. Huwa saħaq li ħassu mweġġa’ li ġie sospiż sabiex sussegwentament il-konsulenza ġiet ikkanċellata.

Fi kliemu dawn id-deċiżjonijiet seħħu fuq allegazzjonijiet, b’Cutajar jgħid li Theuma kien biss qiegħed iħarref “bħala bluff” ma’ Johann Cremona. Huwa saħaq ukoll illi li kieku verament Theuma kien jaf li kienu ser jarrestawh żgur li ma kienx iħalli dak il-flejjes kollha li nqabdu fil-pussess tiegħu waqt ir-rejd li twettaq mill-Pulizija.

L-eks Kummissarju tal-Pulizija tkellem ukoll dwar il-Panama Papers, b’rabta ma’ rapporti tal-kumpaniji Tillgate, Hearnville u Egrant – il-kumpaniji ta’ Konrad Mizzi, Keith Schembri, u sid misterjuż. Dwar dan il-każ Cutajar saħaq li l-investigazzjonijiet komplew b’rabta mal-każ u insista li jaħseb li dawn għadhom għaddejjin sal-ġurnata tal-lum.

Madanakollu saħaq li ma jistax jiżvela aktar l-għaliex il-liġi tipprojbixxi li jiżvela dettalji minn rapporti uffiċjali tal-FIAU u fi kliemu, “ma nixtieqx inżid mal-problemi li għandi”.

Lawrence Cutajar caħad li qatt irċieva xi flus mingħand Edwin Brincat jew mingħand persuni oħra sabiex inxtara.