Għawdex Lokali Saħħa

Il-Forum Unions Maltin jappoġġja t-talba tal-MUMN b’risq l-Infermieri Għawdxin

Il-ħaddiema Għawdxin stazzjonati f’Malta għandhom sfidi konsiderevoli u għalhekk, kull min iħaddem għandu jassigura li dawn jintbagħtu lura fil-gżira tagħhom ħalli ssir ġustizzja magħhom. U dan jgħodd ukoll għall-Gvern, li wkoll hu employer.

Hekk appella l-Forum Unions Maltin, b’appoġġ għall-Union tal-Infermieri u l-Qwiebel (MUMN), li hi membru fi ħdanu. L-MUMN qed ittenni li l-Infermieri Għawdxin qed jitwarrbu fil-ġenb u jitħallew Malta, filwaqt li postijiet vakanti fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex qed jimtlew minn ħaddiema barranin.

Il-Forum qed jappoġġja wkoll l-idea tal-MUMN li l-għażla tat-tmexxija ta’ Steward Health Care li jimpjega barranin tmur kontra l-kunċett tal-anzjanità fl-impjieg, fejn suppost għandhom jingħataw prijorità l-Infermieri Għawdxin.

Fil-fatt, il-Forum fakkar kif dan il-kunċett hu tajjeb għax jiggarantixxi trasparenza u ġustizzja. Għaldaqstant, qed jappella lill-Gvern biex jara li l-għażla tal-Infermieri għall-Isptar f’Għawdex isir skont dan il-kunċett ukoll.