Lokali Parlament

“Importanti li l-ideat tagħna jingħataw attenzjoni” – KNŻ

Imniedi l-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ

Dan huwa żmien bla ebda preċedent, żmien fejn aktar minn qatt qabel huwa importanti li leħen iż-żgħażagħ jinstema’ b’importanza minn min qed imexxi. Hekk sostniet il-President tal-Kunsill Nazzjoni taż-Żgħażagħ, Chiara Vassallo fit-tnedija tal-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ għal din is-sena, sena kkaratterizzata minn pandemija li ħalliet l-effett tagħha ankè fuq iż-żgħażagħ Għawdxin u Maltin.

 “Huwa essenzjali li ż-żgħażagħ jingħataw importanza mill-Awtoritajiet u mill-persuni li jinsabu preżentament fit-tmun ta’ pajjiżna. Dan l-għaliex il-proposti tagħna għandhom jingħataw l-attenzjoni b’mod partikolari f’dawn iż-żminijiet”. Chiara Vassallo insistiet li tul din il-kriżi tal-pandemija ċertu żgħażagħ “ġew affettwati aktar mill-adulti”

In-National Officer tal-KNŻ Kristina Filletti spjegat li minkejja li s’issa d-data għada mhux stabbilita minħabba l-konsegwenzi li l-pajjiż għaddej minnhom kawża tal-Covid-19 spjegat li xorta waħda l-Parlament taż-Żgħażagħ ser ikun qed jiġi rrappreżentat. Madanakollu għal din id-darba ser issir seduta waħda biss b’rappreżentanti li l-età tagħħhom tvarja bejn it-13 u l-35 sena.

Hija spjegat li f’din is-seduta ser ikunu qed jiġu diskussi 4 temi; l-immigrazzjoni llegali, l-attiviżmu taż-żgħażagħ, l-effetti tal-Covid-19 fuq l-ekonomija kif ukoll l-importanza tal-iSport u l-Arti f’Malta.

 “Avolja dawn l-aħħar xhur kienu ta’ sfida kbira għalina huwa importanti li ż-żgħażagħ isemmgħu leħinhom u għal din ir-raġuni l-KNŻ iddeċiedu li jagħmel dan il-launch tal-parlament”

Preżenti kien hemm ukoll il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Clyde Puli fejn sostna li li dan il-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ huwa opportunità unika sabiex tissaħħaħ id-demokrazija f’pajjiżna u li jimla’ lis-soċjetà b’kurraġġ għal futur. Huwa appella wkoll sabiex il-Gvern ma jgħatix ġenb liż-żgħażagħ iżda l-għajnuna kollha li hemm bżonn, b’mod partikolari fid-dawl taż-żminijiet li qed ngħixu fihom illum.