Sport Waterpolo

Imut Tibor Benedek – wieħed mill-aqwa plejers fl-istorja tal-waterpolo

Tħabbret il-mewt ta’ wieħed mill-aqwa plejers fl-istorja tal-waterpolo internazzjonali l-Ungeriz Tibor Benedek. Huwa kellu 47 sena u hu wieħed mill-ftit plejers tal-waterpolo li rebaħ tliet medalji tad-deheb fl-Olimpjadi fejn mir-raba’ post fl-1996 f’Atlanta, waslu s-suċċessi fl-2000 f’Sydney, fl-2004 f’Ateni u fl-2008 f’Beijing.

Ma’ dawn is-suċċessi, fl-1995 rebaħ it-Tazza tad-Dinja tal-FINA f’Atlanta, fl-1997 il-Kampjonat tal-Ewropa f’Sevilla u l-Kampjonat tad-Dinja f’Barcelona fl-2003. Ma’ dawn żewġ midalji tal-fidda u waħda tal-bronż f’edizzjonijiet oħra tat-Tazza tad-dinja u sitt midalji bejn fidda u bronż f’finali tal-Kampjonati tal-Ewropa.

Bejn l-2013 u l-2016 kien kowċ tat-tim Nazzjonali rebbieħ tal-Kampjonat tad-Dinja fl-2013. Ġie magħżul bħala l-Plejer tas-Sena fl-Ungerija fl-1992, l-1993 u fl-1994. Rebbieħ ma’ UTE u Honved ta’ sitt kampjonati tal-Ungerija, bil-qofol tal-karriera jkun ma’ Pro Recco fl-Italja fejn mir-rebħ tal-Kampjonat tas-Serie A ma’ Roma fl-1999, ma’ Pro Recco bejn l-2002 u l-2012 rebaħ sitt kampjonati kif ukoll 4 Euro League, 4 Super Cup u 5 darbiet il-Coppa Italia.

Fl-2006 kien ingħaqad ma’ Sliema biex jilgħab fil-Kampjonat tas-Sajf tal-ASA. Fl-4 ta’ Mejju ta’ din is-sena huwa ħabbar uffiċjalment li kien irtira minn kollox fuq raġunijiet personali sa kemm illum tħabbret il-mewt tiegħu.