Il-każ wieħed ġdid ta’ Coronavirus li rriżulta f’pajjiżna fl-aħħar 24 siegħa hu fuq persuna li s’issa għadu mhux magħruf minfejn ħa l-virus.
Dan ħareġ fl-aġġornament li l-Ministeru tas-Saħħa tella’ fuq Facebook biex jingħataw l-aħħar ċifri relatati mal-Covid-19. Fost il-ftit informazzjoni li qed tingħata f’dan l-istadju, il-Ministeru reġa’ nnota tnaqqis fost dawk li marru għat-test.
Fil-fatt, l-ammont ta’ testijiet li saru reġa’ niżel sew taħt l-1,000, li hi l-amont medju ta’ testijiet li saru fit-tliet xhur kemm ilu li rriżulta l-ewwel każ ta’ Coronavirus f’pajjiżna.
B’dan il-każ ġdid, l-ammont ta’ każi pożittivi issa tela’ għal 663, filwaqt li, ladarba ma kienx hemm persuni li fiequ fl-aħħar 24 siegħa, l-ammont ta’ nies imfejqa baqa’ 610. Meta wieħed jgħodd dawn u lil dawk li sfortunatament mietu, isib li l-ammont ta’ każi attivi issa tela’ għal 44.
//= $special ?>