Internazzjonali

“Mewġa oħra ta’ infezzjonijiet tkun l-agħar xenarju għall-Ewropa” – il-Kummissarju Gentiloni

It-tieni mewġa ta’ infezzjonijiet fl-Ewropa kaġun tal-Coronavirus tkun “l-agħar xenarju”. Dan qalu l-Kummissarju Ewropew għall-Ekonomija, Paolo Gentiloni, f’intervsita li ta dalgħodu lill-istazzjon France 2.

Hu qal illi “f’dan il-ħin m’għandna l-ebda sinjal tat-tieni mewġa fl-Ewropa. Iżda ovvjament qed inħarsu lejn dak li qed jiġri fiċ-Ċina,” b’referenza għan-numri li qed jiżdiedu f’Beijing.

Il-Kummissjoni Ewropea qed tbassar li din is-sena, l-ekonomija se tieħu daqqa ta’ 7.5 fil-mija, bil-livell ta’ inċertezza jibqa’ wieħed għoli.

L-eks Prim Ministru Taljan stqarr li setturi bħat-turiżmu, it-trasport u l-attivitajiet kulturali se jkunu l-aktar affettwati minn din il-kriżi medika.