Lokali Qorti

Seba’ snin ħabs wara li seraq bi €15,000 fi flus u ġojjellerija minn dar ta’ koppja anzjana

Christopher Scerri ta’ 41 sena minn Ħal Qormi li kiser difrejh mal-liġi diversi drabi, l-aktar fuq każijiet ta’ serq intbagħat seba’ snin ħabs wara li nstab ħati ta’ serqa minn dar ta’ koppja anzjana. Dawn kienu sfaw vittmi ta’ din is-serqa sakemm ħarġu għall-quddies. Huwa nstab ħati li seraq €10,954 fi flus kontanti u €4,000 f’ġojjellerija.

Il-każ kien seħħ fis-6 ta’ Settembru tal-2009 għall-ħabta’ tat-7.45am. f’Ħaż-Żabbar u kien dam ma ġie deċiż mill-Qorti tal-Maġistrati. Fuq il-każ kien hemm ukoll appell minħabba żball legali. Il-Qorti tal-Appell Kriminali kienet iddeċidiet li jerġa’ jinstema’ l-każ, li spiċċa quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud u ġie konkluż mingħajr dewmien.

Is-serqa fir-residenza tal-koppja anzjana seħħet f Triq Wied il-Għajn, liema serqa saret mingħajr ebda tip ta’ sgass. Il-bażi ta’ dawn il-proċeduri kienet ix-xhieda ta’ ċertu Omar Pisani li qal li huwa ġie avviċinat minn ċertu Freddie Delia, li wkoll kien akkuiżat b’din is-serqa, sabiex jagħtih ċavetta tad-dar tal-vittmi u dan minħabba l-fatt illi Pisani kien dak iż-żmien joħroġ mat-tifla tal-istess koppja misruqa. 

Pisani qal ukoll illi kien ltaqa’ ma’ Delia sabiex jagħtih iċ-ċavetta u hemmhekk kien hemm ukoll Christopher Scerri li kien preżenti waqt din il-konverżazzjoni.

Il-Qorti eżaminat jekk fil-fatt għandiex biżżejjed provi sabiex tkun moralment u legalment sodisfatta mingħajr dubju raġonevoli bil-ħtija ta’ Scerri u jekk hemmx provi biżżejjed sabiex issib ħtija u dan bix-xhieda ta’ Omar Pisani,

li d-difiża ssostni li ma tistax tkun meqjusa bħala xhieda affidabbli għall-mod ta’ kif xehed.

Mill-atti tal-proċess jirriżulta li min daħal ma sgassa l-ebda bieb u minn hemm ittieħdet s-somma ta’ €10,954 fi flus kontanti u ġojjellerija li kienu jammontaw ghall €4,000.

Il-pulizija ġabu aktar informazzjoni wara telefonata anonima minn raġel. Dan qalilhom li s-serqa saret minn żewġ persuni maskili b’vettura tal-marka Mitsubishi Pajero.

Irriżulta li minn investigazzjoni ulterjuri u wara li nfetħet inkjesta Maġisterjali, l-Pulizija setgħu jikkonfermaw dan permezz ta’ filmat ta’ħanut li juri din il-karozza Pajero ta’ kulur griż ċar li minnha joħorġu żewġt irgiel fis-6.50am.

Dawn daru l-kantuniera fejn tinsab id-dar tal-koppja anzjana u jidhru jiġu lura għas-7.10am. bi xkora qisha nvesta mimlija u minn hemmhekk jidhru jidħlu fil-karozza u jitilqu ‘l hemm.

Irriżulta li din il-karozza kienet tappartjeni lil Diane Scerri li kienet il-mara ta’ Christopher Scerri li kien magħruf sew mal-Pulizija. Dan ġie arrestat ftit wara, u dan wara tfittxija li saret f’residenza fil-Gżira ta’ ċertu Muriel Micallef fejn ta’ spiss kien jorqod hemmhekk, kif ġie kkonfermat mill-istess Micallef.

Minn din ir-residenza ġie elevat flokk aħdar simili ħafna ta’ dak milbus minn wiehed mill-ħallelin fil-filmat tas-CCTV u dan kien ikkonfermat minn Muriel Micallef, li kien ta’ Christopher Scerri.

Wara li ġie mitkellem Omar Pisani fuq talba tal-familja li nsterqet, huwa kkonferma li ċ-ċavetta kien taha hu lil Freddie Delia wara nsistenza minn naħa tiegħu peress li Pisani kellu abbuż tad-droga u kien ta’ sikwit jixtri d-droga mingħandu, u waqa’ ghal din il-pressjoni u tahielu.

Huwa jghid illi meta ta ċ-ċavetta lil Delia, miegħu kien hemm Christopher Scerri li ġie introdott lilu bħala persuna tajba fil-mestjier tas-serq u wara li dawn għamlu kopja taċ-ċavetta, reġgħu tawhielu.

Scerri nstab ħati wkoll li kien reċediv u li kiser il-kundizzjonjiet marbuta mal-ħelsien mill-arrest b’rabta ma’ reati separati, li allegatament wettaq fil-passat.

Il-Maġistrat Mifsud għamilha ċara li l-kundizzjonijiet imposti mill-Qrati għandhom jiġu osservati u sostna li mhux aċċetabbli li l-imputat ma josservahomx għax jaħseb li hu ’l fuq mil-liġi u jista’ jagħmel li jrid.

Il-Qorti ordnat l-arrest immedjat tal-akkużat u l-konfiska ta’ €74,000 li l-akkużat ħallas f’depożiti u garanziji personali b’rabta mal-kundizzjonijiet għall-ħelsien mill-arrest.

Il-Qorti kkundannat lil Scerri sentejn ħabs fuq is-serqa, sentejn ħabs fuq sentenza sospiża fuq każ ieħor, sentejn ħabs oħra fuq każ ieħor ta’ sentenza sospiża, u sena ħabs fuq sospensjoni ta’ sentenza oħra, b’kollox seba’ snin ħabs ta’ priġunerija effettiva.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Keith Arnaud u Fabian Fleri. Scerri appella mis-sentenza.