Lokali Qorti

Sid ta’ ristorant mhux ħati li seraq b’eluf ta’ ewro f’kurrent elettriku

Raġel ta’ nazzjonalità Ingliża li għandu 56 sena, residenti Malta, ma nstabx ħati mill-Maġistrat Joe Mifsud li f’perjodu ta’ ħames snin huwa bagħbas f’meter tal-elettriku biex seraq aktar minn €48,000 f’kurrent elettriku u li bl-imgħax  telgħu għal aktar minn €150,000 għad-dannu tal-Korporazzjoni Enemalta.

Il-każ kien beda wara li uffiċjali tal-Korporazzjoni kienu sabu siġilli miksurin fir-ristorant li huwa jmexxi. Gary Richard Hincks, mill-Madliema, ma nstabx ħati li wettaq dan ir-reat fil-perjodu ta’ bejn il-25 ta’ Mejju 2010 u l-25 ta’ Mejju 2015 fir-ristorant li jiġġestixxi f’San Ġiljan.

Il-Qorti tal-Maġistrati lliberatu minn akkużi li huwa għarraq apparat tas-servizz tal-elettriku, jiġifieri l-meter tad-dawl installat fl-imsemmi post. Huwa ma nstabx ħati wkoll li għamel dan b’mezzi qarrieqa sabiex il-konsum tal-elettriku seta’ jwaqqaf jew ibiddel il-kejl fl-istess meter.

Ma nstabx ħati lanqas li kellu x’jaqsam ma’ dan is-serq jammonta għal aktar minn €2329.37. Hincks lanqas ma nstab ħati li sar reċediv. Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li ma ngħatatx spjegazzjoni dettaljata kif l-Enemalta kienet waslet għall-ammont ta’ elettriku mhux reġistrat.

Dan skont hi kien jammonta għal €48,011. Ix-xhieda tal-Enemalta sempliċiment qalu li sar tqabbil bejn il-konsum reġistrat bil-meter l-antik u l-konsum bil-meter il-gdid u abbażi ta’ hekk sar il-kalkolu tal-konsum mhux reġistrat.

Lanqas ma ġie spjegat kemm kellu jkun il-konsum eżatt tal-elettriku fir-ristorant. L-Ispettur Trevor Micallef li ressaq lil Hincks qal fil-Qorti li fil-bidu ta’ Frar tal-2016 kien rċieva kwerela mill-Korporazzjoni Enemalta sabiex jipproċedi kontra l-imputat fuq serq tal-elettriku minn ristorant li jinsab fi Triq Wied Għomor, San Ġiljan.

Qal li r-rapport li kien gie mgħoddi lilu mill-Enemalta kien jghid li waqt spezzjoni li kienet saret minn uffiċjali tal-Korporazzjoni kienu instabu xi rregolaritajiet fil-meter.

L-Ispettur Micallef kompla jispjega kif huwa bagħat għal Hincks li ċahad li bagħbas xi meter. Hincks spjega li uffiċjali tal-Enemalta kienu marru fir-ristorant sabiex jibdlu l-meter u x’ħin qalgħuh dawn l-uffiċjali kienu sabu toqba fih.

L-Ispettur ikkonferma li l-uffiċjali tal-Enemalta kienu sabu toqba fil-meter filwaqt li s-siġilli kienu miksurin kollha. L-Ispettur ikkonferma li Hincks kien kera l-post minn Ottubru 2010 u kien beda jaħdem minnu f’Dicembru 2010. 

Michael Buttigieg li jaħdem fir-Revenue Assurance Section tal-Enemalta. spjega li kien hemm konsum ta’ dawl mhux reġistrat fl-ammont ta’ €48,011. Bil-penali u l-imgħax dan tela’ għall-ammont ta’ € 153,527. 

Spjega li l-ammont mhux reġistrat ta’ elettriku inħadem billi ittieħdet medja tal-konsum bil-meter l-antik u medja tal-konsum bil-meter il-ġdid, inħarġet id-differenza fil-konsum u ġew applikati t-tariffi ghal tali differenza.

Buttigieg qal li biex jikkwantifikaw l-ammont ta’ dawl misruq, l-Enemalta tagħmel stima billi tieħu l-kalkoli tar-readings tad-dawl kemm qabel ikun inqala’ l-meter kif wkoll wara li jkun inqala’ l-meter. Dawn ir-readings tal-aħħar jittieħdu bil-meter li jkun twaħħal.

Mistoqsi jekk il-konsum tad-dawl kienx naqas wara li nbidel il-meter, ix-xhud wieġeb fin-negattiv. Anzi mir-readings li ttieħdu, l-konsum kien żdied.  Hekk kif qalgħu l-meter l-antik minn postu, sabu toqba n-naħa ta’ fuq tal-meter li kienet tindika li xi ħadd seta’ abbuża mill-meter.

Kompla jghid li kellmu lil Hincks, li qal li ma kienx jaf bit-toqba u li ma kienx qed jirreġistra. Il-meter kellu t-trab fuqu u ma kienx nadif  u fit-toqba ma sabu xejn u lanqas kien hemm marki tas-swaba jew grif.

Gary Richard Hinks xehed li huwa kien kera l-fond fejn kien jinsab il-meter f’Settembru 2010. Huwa imbagħad beda jopera f’Dicembru 2010. Qabel ma kien beda jopera hu, l-ħanut ma kienx qieghħd jopera u fil-fatt kellu jaghmel refurbishment totali tal-post.

Qal li huwa kellu jhallas kont ta’ €7,000 dawl li kien ħalla ta’ qablu, u l-meter baqa’ reġistrat fuqu peress li l-Enemalta baqgħu ma dawrux il-meter fuq ismu peress li min kien fil-post qablu ma setax jinstab u għalhekk ma setax jiffirma biex il-meter jinbidel ghal fuq ismu.

Fil-fatt il-kontijiet baqghu johorgu fuq isem min kellu l-post u l-imputat lanqas ma kien jirċievi l-kont jew inkella jingħata nformazzjoni fuqu peress li ma kienx fuq ismu.

Huwa ċaħad li huwa kien mess xi siġilli. Spjega wkoll li l-meter l-antik kien qiegħed issikkat f’kaxxa u li huwa ma setax jara l-parti ta’ fuq tal-meter. L-imputat ċahad bl-aktar mod kategoriku li huwa kien bagħbas xi meter.

Huwa kien sar jaf bit-toqba fil-meter meta impjegati tal-Enemalta kienu marru biex jibdlu l-meter għal wieħed ġdid u sabu din it-toqba fil-meter. B’riferenza għar-ritratti li ġew esebiti, l-imputat spjega li dawn kienu ittieħdu wara li l-meter kien inqala’ minn postu u nstabet it-toqba.

B’riferenza għaz-żieda fil-konsum tal-elettriku, l-imputat stqarr li kien ġab aktar makkinarja għar-ristorant li wassal sabiex żdied il-konsum taddawl.

Il-Qorti qalet li l-Prosekuzzjoni bbażat l-każ tagħha fuq il-fatt li meta ħaddiema tal-Enemalta marru biex jbiddlu l-meter minn wieħed antik ghall-Smart Meter instabet toqba fuq in-naħa ta’ fuq tal-meter kif wkoll is-siġilli tal-meter miksurin.  

Il-Qorti tfakkar wkoll li anke li kieku kellu jirriħulta r-reat ta’ serq, is-serq kien sejjer ikun limitat ghall-konsum ta’ dawl mhux reġistrat dak ta’ € 48,011 u mhux għall-ammont kollu.

Huwa ċar li l-ammont li kien jaqbeż il-konsum mhux reġistrat kienu penali u VAT, li assolutament ma jaqgħux taħt il-parametri tal-akkuża tas-serq. Il-Prosekuzzjoni ma rnexxieliex tipprova li sid ir-ristorant seraq xi elettriku. Għaldaqstant il-Qorti iddikjarat li mhux qed issib lill-imputat ħati tal-akkużi kollha fil-konfront tiegħu u ghalhekk illiberatu minn kull akkuża.