Aktar minn 48 siegħa mindu l-Prim Ministru Robert Abela ħareġ jgħid li d-deputat Mexxej tiegħu irriżenja mill-kariga, u Chris Cardona fil-muta; għadu qed jevita kull kuntatt mal-media u mhux iwieġeb messaġġi jew telefonati.
Cardona baqa’ ma għamel l-ebda kumment fuq il-media soċjali tiegħu, għajr għal post fuq Facebook li tidher qed tiskulpah minn xi involviment fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Kollox jindika li l-eks Ministru ma kien kuntent xejn li tneżża mir-rwol li kien ingħatalu mid-delegati Laburisti tal-Partit erba’ snin ilu, wara li l-eks Ministru Konrad Mizzi ukoll kellu jirriżenja fuq rivelazzjonijiet xokkanti ta’ allegat ħasil ta’ flus u tixħim permezz ta’ kumpanija sigrieta fil-Panama.
Iżda minbarra s-skiet itarrax ta’ Cardona, anke l-Prim Ministru nnifsu qed jevita kemm jista’ jkun mistoqsijiet dwar l-eks Ministru tal-Ekonomija.
Tul il-jum Robert Abela ma kellu ebda avveniment ufficjali ghall-media. U meta kmieni filghodu l-ġurnalisti ta’ netnews.com.mt kienu qed jistennew quddiem Kastilja, hu għażel – b’mod insolitu hafna – li jidhol jiġri mill-bieb tal-ġenb, u b’hekk jevita d-domandi tagħna.
Sadanittant,, la l-Prim Ministru u lanqas il-Partit Laburista ma ppubblikaw l-ittra tar-riżenja ta’ Cardona, u għaldaqstant mhux magħruf x’raġuni ta l-issa eks Deputat Mexxej għar-riżenja tiegħu mit-tmexxija.
Li hu żgur hu, li sa minn qabel din ir-riżenja kienu bdew il-manuvri ta’ Robert Abela u n-nies tiegħu, li diġà għandhom “il-favorit” għal Deputy Leader.
Jidher li għal dan il-għan, il-PL se jkun qed iressaq il-lasti u jbiddel l-istatut, biex b’hekk jagħlaq il-bieb lill-Ministri u deputati li jappoġjaw lil Chris Fearne, ħalli dawn ma jkollhomx ċans jikkontestaw għall-kariga.
//= $special ?>