Internazzjonali

Stati Uniti: Kontroversja kbira dwar ‘in-nuqqasijiet’ ta’ Donald Trump bħala Mexxej

Ktieb ġdid li kiteb eks-konsulent ewlieni tal-President tal-Istati Uniti qed jakkuża lil Donald Trump b’li fittex l-għajnuna tal-President Ċiniż, Xi Jinping, bil-għan li, f’Novembru, jirbaħ tieni mandat biex imexxi lill-Amerikani għal erba’ snin oħra.

Il-ktieb ’The Room Where It Happened’ ta’ John Bolton, li għamel żmien bħala l-konsulent ta’ Trump dwar is-sigurtà, jippreżenta numru ta’ allegazzjonijiet li jitfgħu dawl ikrah fuq il-President tal-Istati Uniti, b’referenza speċjali għall-‘istil dubjuż tat-tmexxija minn Washington’.

Bolton, permezz tal-ktieb, qed jgħid li Trump insista biex iċ-Ċina tixtri l-prodott agrikolu mingħand il-bdiewa Amerikani. Il-ktieb jgħid ukoll li Trump ‘irriserva trattament preferut għal ċerti dittaturi’, b’John Bolton jenfasizza li ‘Trump bilkemm għandu idea dwar kif imexxi l-White House’.

L-allegazzjonijiet jirreferu speċifikament għal laqgħa li saret sena ilu, f’Osaka (fil-Ġappun), bejn Trump u Xi Jinping u fejn il-President Amerikan insista li jitkellem dwar l-elezzjoni għall-Presidenza tal-Istati Uniti se se ssir fl-aħħar ta’ din is-sena. John Bolton kiteb li waqt il-laqgħa, Trump beda jirreferi għall-kapaċità ekonomika taċ-Ċina, filwaqt li talab lil Xi Jinping ‘biex jaċċerta li hu (Trump) jirbaħ terminu ġdid fil-White House.’

Fl-aħħar sigħat, Donald Trump fisser lil Bolton bħala ‘bniedem li l-karriera tiegħu spiċċat u li naqas milli jieħu ċ-ċans tiegħu ( li kien tah l-istess Trump).’

Il-Gvern tal-Istati Uniti qed jipprova jwaqqaf  il-ktieb milli joħroġ għall-bejgħ u  l-President Trump qed itenni li ‘Bolton kiser il-liġi għaliex (permezz tal-ktieb) qed jiżvela informazzjoni klassifikata mingħajr approvazzjoni’.

John Bolton kien issieħeb mal-istaff tal-White House f’April tal-2018 u telaq ftit aktar minn sena wara. Iżda waqt li Bolton stqarr li kien iddeċieda li jitlaq mir-rwol ta’ konsulent nazzjonali dwar is-sigurtà, il-President Trump insista li ‘hu kien keċċa lil John Bolton minħabba diżgwid qawwi bejniethom’.

John Bolton hu magħruf bħala politiku ultra-konservattiv u li kien jagħti l-pariri lill-President Amerikan dwar issues tas-sigurtà domestiċi u barranin.

Filwaqt li ‘The Room Where It Happened’ mistenni jibda jinbiegħ mill-ħwienet fit-23 ta’ Ġunju, id-Dipartiment tal-Ġustizzja, fl-aħħar sigħat, stinka kemm felaħ biex jikseb direttiva urġenti mingħand maġistrat biex dan il-ktieb ma joħroġx.

Kelliema għall-istampatur tal-ktieb, intant, irreferew għal dan it-tentattiv bħala ‘azzjoni frivola li qed issir bi skop politiku u li mhix se tirnexxi’. Dan meta ġew distribwiti diġà il-mijiet ta’ eluf tal-kopji tal-ktieb madwar id-dinja.