Lokali

Ugwaljanza vera – PN

Fid-dawl tal-fatt li d-diskussjoni fi stadju ta’ Kumitat fuq l-Abbozz 96 (Liġi tal-Ugwaljanza) se titkompla nhar it-Tnejn 22 ta’ Gunju 2020, il-Partit Nazzjonalista, filwaqt li kompla jisma u jifhem il-pożizzjoni ta’ diversi professjonisti, NGOs u esperti f’dan il-qasam, qed jiddikjara li:

  1. Se jkun qed jappoġġja l-proposta ppreżentata fl-aħħar laqgħa tal-11 ta’ Marzu 2020 minn Dr Daniel Farrugia (bħala rappreżentant tal-Kunsill Mediku) fuq il-Conscientious Objection, liema proposta sabet ukoll l-appoġġ ta’ professjonisti u NGOs varji u għaldaqstant se jkun qed jirtira l-klawsola l-ġdida li kellha tidħol wara klawsola 31.
  2. Se jkun qed jinsisti li fi Klawsola 32 (3), minbarra l-Kostituzzjoni ta’ Malta għandha tidħol ukoll il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, bħala liġijiet supremi għal din il-liġi sabiex tinħoloq iċ-ċertezza legali, il-garanzija u s-serhan il-moħħ li ebda parti minn din il-liġi tal-Ugwaljanza ma tiġi nterpretata b’xi mod li toħloq diskriminazzjoni. Dawn iż-żewġ liġijiet jiggarantixxu, fost oħrajn, id-dritt għall-espressjoni ta’ fidi fil-pubbliku u l-protezzjoni ta’ prinċipji (bħall-ethos) fit-tmexxija ta’ organizzazjoni jew entita’ bħalma hi skola.

Fi stqarrija ffirmata mill-Kelliema Claudette Buttigieg, Therese Comodini Cachia, Karl Gouder u Edwin Vassallo, il-Partit Nazzjonalista qal li qed jappella lill-Gvern biex jintlaħaq kunsens fuq dawn il-punti ħalli din il-liġi tgħaddi mingħajr aktar dewmien, liema dewmien jista’ jiġi nterpretat bħala nuqqas ta’ rieda biex liġi bħal din tgħaddi, li minn naħa tal-Partit Nazzjonalista, m’huwiex il-każ.