Lokali

X’ġara f’Settembru li għadda?

Keith Schembri ċempel ippanikkjat lil Johann Cremona biex ikellem lil Yorgen Fenech

Fil-Qorti, il-business partner ta’ Yorgen Fenech, Johann Cremona xehed li xahrejn qabel l-arrest tan-negozjant huwa rċieva telefonata mingħand Keith Schembri, fejn b’mod panikuż l-eks Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat talbu biex jgħid lil Fenech li kellu bżonn ikellmu malajr. Fenech dak iż-żmien kien jinsab imsiefer.

X’kien hemm daqstant urġenti li kellu jgħidlu? U fil-jiem ta’ wara, kien irnexxielu jkellmu?

Wieħed irid ifakkar li Keith Schembri kien ikun preżenti għal-laqgħat tas-Servizzi Sigrieti u anke l-briefings li kienu jsiru mill-Pulizija dwar fiex waslu l-investigazzjonijiet marbuta mal-assassinju ta’ Caruana Galizia.

Yorgen Fenech jgħid li l-informazzjoni kienet tasallu direttament mingħand Schembri u Valletta

Fir-recordings, in-negozjant Yorgen Fenech jinstema’ jgħid li l-informazzjoni dwar l-investigazzjoni kienet tasal għandu direttament mingħand Keith Schembri u l-eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija u raġel tal-eks Ministru Justyne Caruana, Silvio Valletta.

Justyne Caruana rriżenjat mill-Kabinett f’Jannar li għadda.

“Theuma dejjem sostna li Fenech u Schembri kienu wara l-assassinju”

Fix-xhieda tiegħu, Johann Cremona sostna li l-middleman u r-raġel li ingħata maħfra presidenzjali sabiex jikxef kollox, Melvin Theuma, kien kemm-il darba u b’mod konsistenti jgħid li n-negozjant Yorgen Fenech u l-eks Chief of Staff tal-eks Prim Ministru, Keith Schembri kienu l-moħħ wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fix-xhieda tiegħu aktar kmieni din is-sena, Keith Schembri kien xehed li hu u Yorgen Fenech kienu ħbieb kbar u kien iqis lil xulxin qishom aħwa. Dan filwaqt li f’seduta oħra l-Ispettur tal-Pulizija, Keith Arnaud, ikkonferma li Schembri kien jinsab taħt investigazzjoni diversi offiżi fosthom;

  • tbagħbis f’evidenza
  • leak ta’ informazzjoni sensittiva
  • tfixkil tal-ġustizzja
  • li provda impjieg fażull mal-Gvern għal Melvin Theuma
Ritratt: Times of Malta