Lokali Qorti

Żewġ negozjanti mhux ħatja li ppruvaw jinfluwenzaw proġett ta’ €18.5 miljun f’Pender Gardens

Żewġ negozjanti ma nstabux ħatja mill-Maġistrat Nadine Lia li matul ix-xahar ta’ Mejju 2014 jew fil-viċin, ippruvaw jinfluwenzaw rebħ ta’ tender f’Pender Gardens li l-valur tiegħu kien ilaħħaq mat- €18.5 miljun.

Josef Dimech ta’ 40 sena, Direttur ta’ kumpanija, mwieled San Ġiljan u residenti Ta’ Xbiex flimkien ma’ Pierre Mercieca ta’ 60 sena, minn Tas-Sliema u residenti Ħ’Attard u li huwa “self employed”, ma nstabux ħatja li wegħdu xi ħaġa bil-ghan li jeżerċitaw influwenza mhux xierqa għalihom jew għal ħaddieħor.

Kien wara li ċertu George Borg irrapporta l-każ fejn kien qal li t-tender kien rebħu hu permezz tal-kumpanija tiegħu G&P Borg flimkien ma’ żewġ “sub contractors”, li bdew proċeduri fil-Qorti.

Madankollu l-Kap Eżekuttiv ta’ Pender Place, Peter Diacono qal li l-favoriti għar-rebħ tat-tender dejjem kienu JAM ta’ Attard Brothers u wieħed mill-akkużati Josef Dimech, u fil-fatt kien ingħata lilu, t-tieni kien ġie Elbros u George Borg it-tielet.

Peter Diacono, ikkonferma li bħala kumitat qatt ma ġew avviċinati minn barra bil-għan li jinfluwenzaw fuq id-deċiżjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ l-ghażla fl-għoti tal-kuntratt.

Qal ukoll li kienu anke għamlu investigazzjoni tagħhom separata biex jikkonfermaw jekk kienx hemm xi leakages ta’ informazzjoni lill-bidders u rriżultat kien fin-negattiv.

Il-Qorti qalet li filwaqt li George Borg kellu raġun li jinkwieta u jkun imħasseb dwar dak li ntqal lilu fuq dan il-kuntratt, il-Qorti tqis li l-elementi neċċessarji tar-reat li bihom gew mixlija l-imputati ma jirriżultawx u huwa car li l-fatti kif allegati mill-Prosekuzzjoni ma jinkwadrawx ruħhom.

Il-Qorti qalet li l-Prosekuzzjoni kellha ġġib prova, sal-grad meħtieg f’dawn il-proċeduri, li kienet teżisti u dan b’mod ċar min kienet it-terza persuna reali li setghet twassal sabiex iseħħ dan ir-reat.

Għalkemm in-numru kbir ta’ telefonati li kienu saru bejn l-imputati dakinnhar ta’ laqgħa li saret iqajjem suspett, minn imkien ma jirriħulta mingħajr dubju li kienu qed jaħdmu flimkien bl-istess skop li jikkonvincu lil Borg kif ingħat ibiddel xi aspetti mill-offerta tiegħu.

Minn imkien ma rriżulta wkoll kif ingħad li l-imputat Merceica kien verament Direttur tal-Pender Gardens jew imqar ingaġġat mill-amministrazzjoni tal-Pender Gardens – għall-kuntrarju, jirriżulta proprju l-oppost. Lanqas ma jirriżulta fil-konfront ta’ Mercieca li huwa kien qed jipprova jgħin lil Dimech b’mod li rrenda lilu nnifsu kompliċi ta’ Dimech.

Dak li jidher li ġara huwa li l-imputati ppruvaw jikkonvinċu lil George Borg sabiex iħassar il-ftehim mas-sub contractors tiegħu billi wrewh li kellhom f’idejhom informazzjoni nterna u kunfidenzjali, bl-iskop li jipperswaduh, u possibilment ibeżżgħuh, u b’hekk jikkonsidra jibdel il-fehma tiegħu sabiex jiggarantixxi r-rebħ tat-tender.

Izda minn imkien ma rriżulta li l-mod kif kienu se jipperswaduh kienet billi jeżerċitaw xi tip ta’ influenza fuq il-Bord li kellu jiddeċiedi. Lanqas ma rriżultaw provi dwar kif kienu se jigarantixxu dan ir-rebħ, ma’ min setgħu jeżercitaw din l-influenza kemm direttament jew indirerttament jew xi pressjoni li setgħu eżercitaw.

Fil-kaz ta’ Dimech jidher li kien immexxi mill-fatt li ma riedx jitlef l-opportunità li b’xi mod ikun involut fil-konsorzju rebbieħ u ried isalva l-oppożizzjoni tiegħu. Fil-każ ta’ Mercieca, jidher li huwa vvinta li huwa nvolut direttament ma’ tal-Pender Gardens bħala Direttur.

Dak li allegatament stqarr Mercieca qatt ma seta’ ssir u qatt ma seta’ jwassal sabiex jeżercita influwenza relevanti, diretta jew indiretta fuq il-Bord ta’ Pender Gardens li lanqas biss kienu jafu bl-eżistenza tiegħu jew kellhom ebda tip ta’ relazzjoni miegħu sew diretta jew indiretta.

L-Avukat Joe Giglio deher għal Dimech filwaqt l-Avukat Emmanuel Mallia deher għal Mercieca. l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Assistent Kummissarju Ian Abdilla.