Internazzjonali

Ċina: Eks diplomatiku u negozjant akkużati bi spjunaġġ fost tensjoni mal-Kanada

L-awtoritajiet komunisti taċ-Ċina ressqu akkużi ta’ spjunaġġ fil-konfront ta’ żewġ Kanadiżi, f’sitwazzjoni li qed toħloq tensjoni ġdida mal-Gvern tal-Kanada. L-akkużi tressqu aktar minn tmintax-il xahar wara l-arrest ta’ dawn l-irġiel –eks diplomatiku u negozjant prominenti — li ilhom jinżammu fiċ-Ċina minn Diċembru tal-2018.

L-arresti ta’ Michael Kovrig ( l-eks diplomatiku) u Michael Spavor seħħew jiem biss wara li Meng Wanzhou, eżekuttiv mal-kumpanija tal-informatika u komunikazzjoni (Ċiniża) Huawei – kienet inżammet fil-belt ta’ Vancouver fuq talba mill-Istati Uniti.

Intant, il-Kanada baqgħet tinsisti li l-arresti ta’ Kovrig u Spavor seħħew b’mod ‘arbitrarju’, waqt li ċ-Ċina kompliet tiċħad li l-arresti kienu ‘ritraljazzjoni għall-każ  ta’ Meng Wanzhou’.

L-arrest ta’ Meng Wanzhou, li hi l-uffiċjal finanzjarju ewlieni ma’ Huawei minbarra li bint il-fundatur ta’ din l-entità, kien seħħ wara li l-Istati Uniti akkużatha bi ksur tas-sanzjonijiet fuq l-Iran.

Hi għadha sallum tiġġieled kontra l-estradizzjoni tagħha lejn l-Istati Uniti u meta qorti fil-Kanada, ftit ilu, iddeċidiet li għandha tiffaċċja proċess tal-qorti. Dan wara li maġistrat ikkonkluda li l-każ ta’ Meng kien wieħed validu li jibbaża fuq ‘kunċett doppju ta’ kriminalità’ – li jfisser li hi għandha tiffaċċja l-akkużi dwar reati fil-Kanada kif ukoll fl-Istati Uniti.

Intant, Kovrig u Spavor qed ikunu akkużati b’li ‘spjunaw fuq is-sigrieti tal-Istat (taċ-Ċina)’ u li ‘provdew id-data sigrieta lill-entitajiet barranin’.

Is-sistema tal-qrati fiċ-Ċina hi kontrollata għal kollox mill-Partit Komunista li jmexxi lill-pajjiż u l-imputati li jitressqu quddiem dawn il-qrati dejjem jispiċċaw ikkundannati ladarba jinqrawlhom l-akkużi.

Mistenni li l-Kanada tressaq ilmenti uffiċjali mal-awtoritajiet f’Beijing rigward it-trattament taż-żewġ ċittadini. Dan wara li l-Gvern Kanadiż akkuża liċ-Ċina b’li qed tuża ‘l-arma tad-detenzjoni b’mod arbitrarju għall-gwadann politiku’.

Filwaqt li l-Gvern Ċiniż qed jgħid li Kovrig u Spavor jinsabu ‘tajbin u b’saħħithom’,  kien hemm ukoll rapporti, minn sorsi barranin, li ż-żewġ Kanadiżi kienu qed ikunu interrogati ‘għal bejn sitta u tmien sigħat kuljum’ u li huma qed jinżammu ‘f’kundizzjonijiet li mhumiex daqstant sodisfaċenti’

L-indikazzjonijiet huma li Michael Kovrig ilu ma jara membru tal-familja tiegħu mindu spiċċa arrestat u li lanqas ma kellu kuntatti ma’ xi avukat.

Dan meta twaqqaf websajt bit-tema Free Michael Spavor, fejn l-attivisti warajh qed jippruvaw jikkonvinċu lill-awtoritajiet ikkonċernati li Spavor ‘ma għamel xejn li jmur kontra l-interessi taċ-Ċina’.