Internazzjonali

Covid-19: L-UE f’taħditiet dwar pakkett għall-għajnuna f’din l-era ta’ kriżi

Il-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea fl-aħħar sigħat kienu għaddejjin b’video summit fejn ikkonċentraw fuq it-tfassil ta’ fond ambizzjuż – ekwivalenti għal 750 biljun ewro – biex jgħin lill-Istati membri jirkupraw mill-kriżi tal-Covid-19.

Diversi pajjiżi min-naħa ta’ fuq tal-Ewropa, iżda, qed jopponu l-pjan tal-Kummissjoni tal-UE għaliex dan jibbaża fuq il-ġenerazzjoni – bħala impenn kollettiv – ta’ 500 biljun ewro fi grants lill-agħar pajjiżi ( tal-Unjoni) li ntlaqtu ħażin mill-pandemija; b’mod partikulari l-Italja u Spanja. Intant, l-iskala tal-fond hi waħda mingħajr preċedent, bi Franza u l-Ġermanja qegħdin jappoġġjaw il-pjan tal-UE.

Ma kienx mistenni li llum jista’ jintlaħaq ftehim dwar il-pakkett.

Il-Kummissjoni Ewropea, immexxija minn Ursula von der Leyen, u li tfassal il-liġijiet tal-UE, tirreferi għall-pjan bħala ‘il-Ġenerazzjoni li Jmiss tal-UE’.

L-idea wara l-pjan hu li l-għajnuna tkun investita f’setturi promettenti bħat-teknoloġiji diġitali u favur il-ħarsien tal-ambjent — aktar milli f’appoġġ għal industrija antiki u problematiċi.

Il-finanzjament tal-grants hu intiż li jsir b’sistema li tippermetti lill-Kummissjoni Ewropea biex tissellef il-flus mis-swieq finanzjarji – u fejn bħala garanzija jkun hemm l-impenji, fuq bażi nazzjonali, għall-baġit tal-UE,

Fl-istess ħin, grupp ta’ Stati membri magħmul mill-Iżvezja, id-Danimarka, l-Awstrija u l-Olanda baqa’ jenfasizza li hu kontra dan il-pjan biex jingħataw il-grants lill-pajjiżi speċifiċi. Dan meta hemm ukoll id-diżgwid dwar il-baġit tal-UE propost, li hu ekwivalenti għal 1.1 triljun ewro.

Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, ħeġġet biex is-27 Stati membri tal-UE jieħdu azzjoni deċiżiva u ta’ malajr biex jilħqu ftehim qabel il-ħarifa.

Dan waqt li d-diplomati qed jgħidu li mhu se jkun hemm l-ebda kompromess konkret qabel il-mexxejja jkunu jistgħu jiltaqgħu wiċċ-imb-wiċċ, ix-xahar id-dieħel.