Internazzjonali

COVID-19: Riċerka xjentifika li turi li l-coronavirus ġdid kien ilu l-Italja minn Diċembru

Ix-xjenzati fl-Italja qed jgħidu li kampjuni mill-ilma tad-drenaġġ li ttieħdu minn żewġt ibliet speċifiċi kien fihom it-traċċi tal-Covid-19 ‘li kienu ilhom hemmhekk  minn Diċembru’ – ħafna qabel it-Taljani kkonfermaw l-ewwel każ ta’ infezzjoni mill-virus qattiel.

L-Istitut tas-Saħħa Nazzjonali qal li l-ilma li ttieħed min Milan u Turin urew traċċi ġenetiċi tal-virus fit-18 ta’ Diċembru – b’din ir-riċerka żżid mal-‘provi’ ta’ pajjiżi oħrajn li l-Covid-19 seta’ ilu jiċċirkola fostna minn ħafna qabel.

Il-Covid-19 qed jingħad li feġġ għall-ewwel darba fil-belt Ċiniża ta’ Wuhan lejn l-aħħar ta’ Diċembru, bl-istess belt issir l-ewwel epiċentru tal-virus, bl-aċċessi għaliha jingħalqu minn kullimkien.

Intant, l-ewwel każ ikkonfermat tal-Covid-19 fl-Italja jmur lura għal nofs-Frar.

Ftit tal-ġimgħat ilu, ix-xjenzati Franċiżi qalu li t-testijiet li saru fuq xi kampjuni wrew li pazjent li kien trattat għal suspettat pneumonia qrib Pariġi fis-27 ta’ Diċembru kien, fil-fatt, qed ibati mill-Covid-19.

Studju ieħor, fi Spanja, indika traċċi tal-virus fl-ilma ħażin li kien inġabar f’nofs Jannar fil-belt ta’ Barċellona – xi 40 jum qabel instabet l-ewwel infezzjoni bil-coronavirus ġdid fil-pajjiż.

Sadanittant, ix-xjentisti fit-Tramuntana tal-Italja eżaminaw mal-40 kampjun li ttieħdu mill-impjanti għat-trattament tal-ilma tad-drenaġġ, bejn Ottubru u Frar.

Il-kampjuni minn Ottubru u Novembru (fl-Italja) testjaw fin-negattiv iżda l-kampjuni tal-ilma mill-belt ta’ Bologna bdew juru traċċi tal-virus minn Jannar.

Filwaqt li r-riċerka għandha tgħin lix-xjenzati biex jifhmu kif il-virus beda jinfirex fl-Italja, din ma tikkonfermax bilfors li s-sorsi tat-trasmissjoni ewlenin li wasslu għall-pandemija fl-Italja oriġinaw mill-ewwel każi.

L-ewwel każ ta’ infezzjoni mill-Covid-19 fl-Italja ‘li ma kienx ġej minn barra’ kien jinvolvi pazjent fil-belt ta’ Codogno, fir-reġjun tal-Lombardija.

Din il-belt kienet ingħalqet u ġiet dikjarata ‘zona ħamra’ fil-21 ta’ Frar. Imbagħad kien imiss l-istess ‘dikjarazzjoni ta’ emerġenza’ għal disa’ bliet oħrajn fil-Lombardija u r-reġjun ta’ Veneto – bl-Italja kollha tispiċċa taħt lockdown fl-ewwel jiem ta’ Marzu.

Madankollu, qed jingħad li r-riżultati tar-riċerka fl-Italja ‘jikkonfermaw l-importanza strateġika’ tal-ilma tad-drenaġġ bħala mezz li jindika ‘sitwazzjoni’ minn qabel.

Jidher li l-ilma tista’ turi l-preżenza tal-virus qabel issir il-konferma ta’ każi bil-mezzi kliniċi – b’diversi pajjiżi, illum, qegħdin jaddottaw din it-teknika.

Fl-Italja, sallum, mietu ‘il fuq minn 40,000 bil-Covid-19 u meta l-Lombardija kienet l-agħar reġjun affettwat tul dan il-pajjiż.