Lokali Qorti

Espert jgħid l-attakk fuq il-website ta’ Caruana Galizia seta’ espona s-sorsi li kellha

L-attakk li sar fuq il-website ta’ Daphne Caruana  Galizia fil-11 ta’ Frar tal-2017 seta’ espona s-sorsi tagħha.  Kien attakk immirat u speċifiku. Xi ħadd għamel ir-riċerka tiegħu sew u pprova jikseb l-informazzjoni li ried qabel sar l-attakk.

Dan l-attakk huwa msejjaħ tat-tip DDOS (denial-of-service) u huwa ta’ livell għoli u jitlob ħafna riżorsi. Dawn l-attakki normalment isiru minn kriminali professjonali. Ian Castillo espert fuq il-bloga u l-IT li qal li kien ilu jagħmel xogħol tekniku għal Daphne Caruana Galizia minn qabel seħħ dan l-inċident.

Tenna li kien imqabbad minn Daphne dwar il-loġistika tal-website tagħha u li hija kienet qaltlu dwar dak li kien qed jiġri. Tenna li l-kumpanija tas-sigurtà li jaħdem magħha bdiet tieħu ħsieb il-blogg tal-ġurnalista fl-2014.

Tenna li kien xi ħadd li jaf l-affarijiet sew u li rnexxielu jagħmilha l-ħsara kbira fuq is-sit tagħha. Kienu anke jintbagħtu emails fuq isimha u jirċievu emails mingħandha u jippubblikaw informazzjoni li riedu huma. Wara hija kienet għamlet rapport lill-Pulizija.

Castillo tenna li filwaqt li l-hacking normalment ikun anonimu u awtomatiku, dan kien differenti. Kien hemm min kien talab għas-servers tal-emails u d-DNS records. Kienu qegħdin ifittxu għal dettalji għall-informazzjoni biex jinbidel il-URL, u biex jibagħtu emails f’isem Caruana Galizia.

L-informazzjoni, kieku kisbuha, kienet tippermettilhom li joħolqu website pariġġ tagħha. Ħareġ li xi ħadd kien qed jibgħat emails mingħand persuna li taparsi hija Daphne Caruana Galizia, u tistaqsi biex taċċessa l-blogg. Qal li bdew iwieġbuha mingħajr ma jgħaddulha l-informazzjoni.

Ian Castillo qal li dan huwa rapport tekniku ferm, f’kelma waħda huwa rapport fuq sigurtà. Espert ieħor li xehed fil-Qorti kien Keith Cutajar u dan dwar żewġ mobiles li kienu fil-Ġermanja fil-mawra ta’ Chris Cardona, b’rabta mal-allegata żjara tiegħu fil-burdell Acapulco waqt li kien fuq xogħol ministerjali.

Wieħed mill-mobiles, jew anke t-tnejn jista’ jkun li kienu fil-villaġġ ta’ Velbert, fejn hemm il-burdell li allegatament mar fih Chris Cardona, u mill-informazzjoni li għandu l-espert, dan huwa possibbli.

L-eks Prim Imħallef Joseph Said Pullicino għamel punt ta’ kjarifika li ż-żewġ mowbajls diskussi huma ta’ Dr Chris Cardona, u ieħor reġistrat fuq Mimcol.
L-espert sadanittant ippreżenta rapport, u kkonferma li huwa wieħed finali.

Qal li kien hemm konnessjoni (dik li hu jsejħilha “hit”) mill-mowbajl ta’ Joe Gerda fil-31 ta’ Jannar, filwaqt li min-numru ta’ Chris Cardona kien hemm bejn 12 u 15 u din konnessa mal-istess data.

Qal ukoll li l-problema hija sabiex jifhem ir-rabta bejn l-informazzjoni miksuba, peress li bħalissa għandu informazzjoni minn antenna waħda biss. Li kieku informazzjoni minn żewġ antenni oħra kienet disponibbli, kien ikun jista’ jara fejn kienu ż-żewġ mowbajls.

L-Imħallef Mallia staqsa fuq il-vjaġġ ta’ Chris Cardona fil-Ġermanja dwar kemm kienu ‘l bogħod il-lukanda u l-post fejn saret il-konferenza minn post jismu Velbert.

Cutajar qal li ma jistax jgħid fejn saret il-konferenza. Filwaqt li l-Avukat Jason Azzopardi, qara minn artiklu ta’ Daphne Caruana Galizia li l-konferenza saret f’Essen.

Ir-rapport tal-espert jikkonċerna l-ġeolokalizzazzjoni ta’ żewġ mowbajls tal-eks ministru Chris Cardona fil-Ġermanja fil-bidu tal-2017 waqt żjara uffiċjali. Din kella x’taqsam ma’ konferenza li kienet organizzata mill-Kummissjoni Ewropea. Ir-rapport huwa finali għalkemm xi dejta għadha mistennija tasal minn naħa tas-service providers.

Dan għaliex huwa improbabbli li jirċievu xi feedback minħabba li għadda żmien mhux ħaħin għaż-żamma tad-data. Antenna waħda kellha konnessjonijiet mit-telefowns ċellulari b’kontinwu għal jumejn, iżda l-espert ma setax jgħid fiċ-ċert il-pożizzjoni eżatta minħabba li antenna waħda biss kienet mqabbda mat-telefowns.

L-espert qal li l-informazzjoni turi li żewġ mowbajls kienu viċin ta’ antenna. L-Imħallef Michael Mallia rrefera għall-vjaġġ ta’ Chris Cardona fil-Ġermanja. Jistaqsi kemm kienu ‘l bogħod il-lukanda u l-post fejn saret il-konferenza minn Velbert.

L-espert qal ukoll li l-problema hija sabiex wieħed jifhem ir-rabta bejn l-informazzjoni miksuba, peress li bħalissa għandu informazzjoni minn antenna waħda biss.

Li kieku informazzjoni minn żewġ antenni oħra kienet disponibbli, kien ikun jista’ jara fejn kienu ż-żewġ mowbajls. Data kienet intilfet għax l-informazzjoni fuq l-SD card m’għadhiex aċċessibbli. u qal li fuq service providers u qed jistennew xi data mill-Ġermanja.

Jidhet iżda li mhux se jirċievu xi feed back, anke jekk wieħed mis-service providers bagħat xi ħaġa fuq antenna, minn ġewwa Essen li r-range tagħha huwa ta’ ‘l fuq minn 30 Belt.

Huwa kkonfermat li żewġ mobiles kienu ma’ l-antenna msemmija. Madankollu l-fatt li ma hemmx informazzjoni minn xi antenna oħra, allura mhux faċli li jkollok tali nformazzjoni meħtieġa. Ir-rapport huwa dettaljat qal ix-xhud.

Il-bqija tas-smiegħ tal-inkejsta saret bil-magħluq. Il-persuna li għandha tixhed mingħajr preżenza tal-ġurnalisti mhijiex magħrufa u anke jekk tkun żvelata ma tistax tiġi mxandra.

L-inkjesta tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li kienet inqatlet fis-16 ta’ Ottubru tal-2017 hija mmexxija mill-imħallef irtirat Michael Mallia, l-ex-Prim Imħallef Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro bl-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qegħdin jidhru għall familja ta’ Caruana Galizia.

L-għan tal-inkjesta huwa li tistabbilixxi jekk il-qtil ta’ Caruana Galizia setax ġie evitat u jekk l-Istat bl-azzjonijiet jew in-nuqqasijiet tiegħu setax għen biex tinħoloq klima li fih l-assassinju seta’ jseħħ. L-inkjesta tkompli nhar l-Erbgħa li ġej fid-9.30am.