Lokali

Fl-2019 daħlu 2,000 immigrant iktar mis-sena ta’ qabel

Matul l-2019 f’Malta, iddaħħlu 43 dgħajsa bi 3,405 persuna miġjuba lejn xtutna – żieda ta’ 1,960 meta mqabbla mas-sena ta’ qabel. Dan joħroġ minn statistika li ġiet ippubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.

Kważi 93 fil-mija kienu ċittadini ta’ pajjiżi Afrikani filwaqt li s-7 fil-mija l-oħra kienu ċittadini ta’ pajjiżi Asjatiċi. L-ogħla numru ta’ persuni abbord ġew irreġistrati matul Awwissu b’total ta’ 662, segwiti mill-wasliet f’Ġunju u Settembru, b’599 u 508 peruni rispettivament.

Matul l-istess sena total ta’ 4,090 applikazzjoni ġew ippreżentati fl-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati – żieda ta’ 92 fil-mija fuq l-2018. Meta wieħed janalizza l-applikazzjonijiet għall-ażil fil-kuntest tal-Unjoni Ewropea, Malta kklassifikat it-tieni wara Ċipru meta tikkunsidra applikanti għal kull miljun popolazzjoni. 

Il-biċċa l-kbira tal-applikanti kienu ċittadini minn pajjiżi Afrikani (80 fil-mija) bl-akbar proporzjon tal-applikanti totali huma ċittadini Sudaniżi (26 fil-mija). 11% u 6% oħra kienu ċittadini Sirjani u Libjani rispettivament.  Proporzjon kbir tal-applikanti (71 fil-mija) kienu rġiel ta’ bejn it-18 u l-34 sena.

Kienet reġistrata wkoll żieda ta’ 38 fil-mija fil-popolazzjoni tar-residenti fiċ-ċentri miftuħa u djar istituzzjonali oħra. Ftit iktar minn tliet kwarti ta’ dawn il-persuni kienu joqogħdu f’Ħal Far. 213-il persuna oħra kienu joqogħdu fi djar istituzzjonali oħra, esklużi ċentri miftuħa. Aktar minn 85 fil-mija kienu rġiel filwaqt li 33 fil-mija u 16 fil-mija kienu Sudaniżi u Eritreani rispettivament.

Dan filwaqt li 619-il persuna ġew rilokati minn Malta għal pajjiż ieħor tal-UE u 16-il ċittadin ġew risistemati lejn pajjiżi barra l-UE. Il-maġġoranza ta’ dawn il-persuni kienu maqsuma bejn il-Ġermanja u Franza.