Lokali

Il-Prim Ministru għandu jkeċċi issa lil Joseph Muscat u Konrad Mizzi

Għandhom jiġu investigati minnufih Keith Schembri u kull min kien involut f’din is-serqa miljunarja

“Qed nistenna li dak li nsteraq mill-poplu jerga’ jintrad lura issa, meta bħalissa għandna familji li qegħdin ibatu, għandna negozji li qed isofru. Nistenna li l-Gvern jġib lura dawn flus kollha li nsterqu u jużahom man-negozjanti onesti, mal-ħaddiema onesti Malti u Għawdxi. Dan wara li llum skoprejna mod ieħor kif pajjizna, kif kull wieħed u waħda minnkom erġajtu ġejtu misruqa mill-Gvern Laburista.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt konferenza tal-ahbarijiet flimkien mal-Kelliema Beppe Fenech Adami u Karol Aquilina.

Serqa multimiljunarja li nħadmet mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru meta Robert Abela kien konsulent ta’ Joseph Muscat

Adrian Delia qal li sirna nafu kif Joseph Muscat il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien u llum konsulent ta’ Robert Abela, flimkien mal-eks Ministru Konrad Mizzi li llum huwa backbencher tal-Prim Ministru Robert Abela, nnegozjaw u ffirmaw deal li bih il-poplu nsteraq iktar minn €7 miljun, li marru fil-kumpanija 17 Black ta’ Yorgen Fenech li kienet se titfa’ flus fil-kumpaniji ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri. Din serqa miljunarja li nħadmet f’Kastilja. Hekk kif serquna bid-deal tat-tliet sptarijiet li ngħataw lil Vitals, serquna wkoll fil-Montenegro f’dan id-deal li nkixef illum.

Adrian Delia qal li l-poplu ilu snin jistaqsu kif huwa possibbli li dawk li wegħduna li se jiġġieldu l-korruzzjoni għamlu deals f’pajjiżna u barra xtutna biex jisirquna u mill-Malta tagħna lkoll ħadmu biex jisirquna. Dan att ta’ tradiment kontra l-poplu Malti u Għawdxi. Joseph Muscat, l-eks Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u l-eks Ministru Konrad Mizzi għadhom ma ġewx investigati fuq dan id-deal, il-Pulizija u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għadhom ma ħassewx il-htiega li jpogguhom formalment taht investigazzjoni. Huwa qal li r-responsabilita ta dan kollu ma tibdiex u tieqaf biss ma Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri u r-responsabilta politika ghal dan trid tintrefa mill-Gvern Laburista kollu li ilhom jiddefenduhom minkejja is-serq li kien qieghed isir.

Roddu lura issa l-flus li sraqtu minn ħalq il-familji Maltin u Għawdxin

Adrian Delia staqsa safejn kien jaf Robert Abela dwar dan il-kuntratt u kuntratti ohrajn li saru meta Robert Abela kien konsulent legali ta’ Joseph Muscat. Din mistoqsija importanti għax tpoġġi lil Robert Abela fiċ-ċentru tal-iskandli, fattur li qed jikkundizzjona t-tmexxija ta’ Robert Abela u qed tipperikola r-reputazzjoni u l-isem ta’ pajjiżna. Huwa qal li qed jistenna risposta u azzjoni mill-istituzzjonijiet u mill-Gvern, u fuq kollox qed jistenna li l-miljuni kollha li nsterqu mill-poplu Malti jerga’ jintradu lura. Dr Delia qal li aktar kmieni llum Robert Abela qal li diżgustat b’dan kollu iżda aħna qed nistennew li mhux biss ikun diżgustat imma li jieħu l-passi minnufih u jekk dawk konċernati ma jitkeċċewx minnufih, għal darb’oħra tkun prova li Robert Abela ma jistax jiddeċiedi hu. Aħna nippretendu li Robert Abela mhux jitkellem biex inessi imma jiddeciedi llum stess għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Beppe Fenech Adami qal issa wasal iż-żmien li l-kultura tal-impunita’ tiġi fi tmiemha. Huwa qal li l-Oppożizzjoni qegħda tinsisti li l-Pulizija, b’mod partikulari l-Economic Crimes Unit għandha immedjatament tibda investigazzjoni kriminali fil-konfront ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi, li kienu direttament involuti f’dan l-iskandlu ġdid ta’ serq ta’ miljuni minn flus il-poplu. Għal snin sħaħ l-Oppożizzjoni ilha tisħaq illi l-Korp tal-Pulizija intenzjonalment għalaq għajnejh għal dan is serq. L-Oppożizzjoni mhix disposta tittolera dan iżjed. Beppe Fenech Adami qal li s-sigħat li ġejjin se juru jekk Robert Abela jridx jinqata’ mill-kriminali li ħatfu l-pajjiż.

Karol Aquilina qal li matul l-aħħar 7 snin Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi bnew xibka ta’ korruzzjoni li wasslet għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, każijiet li quddiemhom l-istituzzjonijiet baqgħu ċassi. Mhux vera li l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna jaħdmu għax huma maħtufa mill-Gvern Laburista li dawwarhom f’għodda partiġġjana. Huwa qal li issa huwa l-mument tal-prova għall-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna u l-PN mhux se jaċċetta aktar li l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna jibqgħu jipproteġu lill-kriminali, dawk li għax għandhom il-poter igawdu minn impunità sħiħa għall-korruzzjoni li qegħdin iwettqu. Karol Aquilina qal li l-poplu bi dritt jippretendi li l-istituzzjonijiet jieħu azzjoni immedjata, jarrestaw lil Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi u jressquhom quddiem il-ġustizzja biex iħallsu ta’ għemilhom.