Internazzjonali

Il-Prim Ministru Morrison iwissi dwar attakk ċibernetiku sofistikat fuq l-Awstralja

Il-Gvern u l-istituzzjonijiet tal-Awstralja qegħdin jispiċċaw mira ta’ attakki ċibernetiċi sofistikati min-naħa ta’ hacker jew hackers ‘li huma bbażati f’pajjiż ieħor’. Il-Prim Ministru Awstraljan, Scott Morrison, li tkellem dwar is-sitwazzjoni inkwetanti, sostna li dawn is-cyber attacks huma ‘wiesgħa u sistematiċi’ waqt li qegħdin jolqtu kull livell u settur tal-amministrazzjoni.

Ma ssemmewx każi speċifiċi iżda jidher li l-attakki konċentraw fuq industriji tal-Gvern, organizzazzjonijiet politiċi, is-setturi tal-edukazzjoni u s-saħħa, entitajiet li jipprovdu servizzi essenzjali u entitajiet li jamministraw l-oqsma kritiċi tal-infrastruttura. Sa ftit ilu kienu l-entitajiet fil-qasam tad-Difiża, kuntratturi tal-Gvern u kumpaniji tal-awdituri li spiċċaw miri għal hacking, b’dawn jirrappurtaw ‘abbużi ta’ data’.

Fl-aħħar sigħat, il-Prim Ministru Morrison qal li ‘din l-attività malinna (b’referenza għall-attakki) qed issir aktar regolari madwar id-dinja’ iżda għamilha ċara li ‘din mhix problema esklussiva għall-Awstralja’.

Fl-istess ħin, Morrison naqas milli jidentifika s-sorsi potenzjali wara l-attakki u żied li l-hackers ma rnexxielhomx jiżvelaw xi data personali ta’ importanza partikulari. Madankollu, hu reġa’ fakkar li l-attakki inkwistjoni ilhom għaddejjin fuq diversi xhur u qegħdin jiżdiedu.

Scott Morrison spjega li hu għażel li jwissi lill-Awstraljani dwar is-sitwazzjoni, bil-għan li huma jkunu jafu biċ-ċirkustanzi. Dan ukoll biex in-negozji  jtejjbu s-sistemi tad-difiża għal kontra l-attakki ċibernetiċi.

L-attakki ċibernetiċi inkwistjoni huma identifikati bħala hekk-imsejjaħ ‘state hack’ minħabba l-iskala u t-teknika avvanzata li ntużat għal dan il-livell ta’ hacking.Iżda meta kien mistoqsi jekk setax jindika lill-pajjiż responsabbli, il-Prim Ministru Morrison insista li mhux beħsiebu jagħmel xi ‘akkużi pubbliċi’.

Madankollu, l-esperti dwar it-teknoloġija ċibernetika ilhom isibu konnessjoni bejn iċ-Ċina u l-hacking li qed ikun immirat għal diversi setturi u kategoriji fl-Awstralja. L-esperti jgħidu li ċ-Ċina hi waħda mill-ftit pajjiżi, l-istess bħar-Russja, l-Iran u l-Korea ta’ Fuq, li għandhom il-kapaċità għal dawn l-attakki u li mhumiex alleati mal-Awstralja.