Lokali

Il-Pulizija għandha minnufih tarresta lil min bil-provi wettaq il-korruzzjoni – PN

Ritratt: DOI
Il-poplu Malti u Għawdxi għandu jieqaf jiġi mġiegħel iħallas it-taxxa tal-korruzzjoni bi prezzijiet ogħla tad-dawl

Stqarrija tal-Partit Nazzjonalista saħqet li l-aħbar li ġiet żvelata llum minn Reuters u t-Times of Malta dwar is-suppost proġett li l-Enemalta wettqet fil-Montenegro hija konferma tal-korruzzjoni kbira li nvoluti fiha Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi. Minn dan il-proġett korrott Yorgen Fenech, il-ħabib personali ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi, daħħal €4.6 miljun fil-kumpanija sigrieta 17 Black li minnha Keith Schembri u Konrad Mizzi kellhom jirċievu €5,000 kuljum kull wieħed.

L-istqarrija maħruġa mid-deputati David Agius, Beppe Fenech Adami, Karol Aquilina u Ryan Callus tgħid li għalhekk illum stess il-Pulizija għandha tarresta u tinterroga lil min kien imdaħħal fil-ftehim korrott li sar bejn l-Enemalta u l-Montenegro meta l-Ministru responsabbli kien Konrad Mizzi, l-Prim Ministru kien Joseph Muscat u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru kien Keith Schembri.

Il-PN kompla jgħid li huwa fatt magħruf li Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi ħadu interess personali f’dan il-proġett tant li Konrad Mizzi żar diversi drabi l-Montenegro u saħanistra f’Novembru 2019 Joseph Muscat u Konrad Mizzi marru l-Montenegro flimkien biex jinawguraw il-proġett tal-Enemalta. Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi saħansitra mbuttaw u rnexxielhom jaħtru lill-ħabib personali tagħhom bħala ambaxxatur għall-Montenegro minkejja li dan ma kellu l-ebda esperjenza fid-diplomazija.

Fid-dawl ta’ dan kollu l-Partit Nazzjonalista jistenna li Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi jiġu minnufih arrestati, investigati u jitressqu quddiem il-ġustizzja biex iħallsu ta’ għemilhom. Dan hu mument ta’ prova għall-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna li ma jistgħux jibqgħu aktar idhom fuq żaqqhom u ħalqhom magħluq quddiem konferma oħra ta’ korruzzjoni minn dawk li sa ftit xhur ilu kienu fl-ogħla karigi f’pajjiżna.

L-istqarrija tal-PN qalet li dan hu wkoll mument tal-prova għall-Prim Ministru Robert Abela li sa ftit tal-ġimgħat kien il-konsulent ta’ Joseph Muscat u biċċa waħda ma’ Keith Schembri u Konrad Mizzi.

Wasal iż-żmien li din ix-xibka ta’ korruzzjoni li ġiet imfassla minn Joseph Muscat u sħabu tiġi meqruda darba għal dejjem biex il-poplu Malti u Għawdxi jieqaf iħallas it-taxxa tal-korruzzjoni bi prezzijiet ogħla tad-dawl, temmet tgħid l-istqarrija tal-PN.