Lokali Qorti

“Il-verità ma jista’ jmeriha ħadd” – Adrian Delia

Il-midja Laburista taħrab mill-isfida - wara li tigdeb għax m’għandha l-ebda prova

B’referenza għall-istqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista lbieraħ fejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li wara li mar il-Qorti biex jieħu affidavit konfermat bil-ġurament tiegħu, li hu la qatt ma rċieva xi offerta, u wisq anqas xi pagament, biex b’xi mod il-Partit Nazzjonalista jimmina l-kandidatura ta’ kwalunkwe kandidat tiegħu fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

F’dik l-istqarrija Adrian Delia ta 24 siegħa ċans lill-midja Laburista biex jekk għandhom xi prova li turi mod ieħor, imorru għand l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija b’dik il-prova. Wara li għaddew l-24 siegħa, mhux biss il-midja Laburista ma marret b’ebda prova għand l-Aġent Kummissarju tal-pulizija almenu sakemm huwa magħruf pubblikament, imma talli f’daqqa waħda ppruvaw ibiddlu l-istorja tagħhom ma’ allegazzjonijiet li saru kważi sena ilu minn David Thake waqt il-programm Xarabank.

Peress li Adrian Delia kien hu stess li dejjem qal (kif ukoll għamel waqt il-programm Xarabank) biex kull min għandu xi informazzjoni fuq kwalunkwe ksur tal-liġi jmur għand il-pulizija immedjatament u anki jesiġi l-pulizija jaġixxu, jinsab kuntent ħafna li fl-aħħar ittieħed dan il-pass imma ma jistax ma jikkumentax fuq il-fatt li l-pulizija damu sena jinstennew biex jaqdu dmirhom!.

Adrian Delia qal li kieku l-pulizija jitħallew jaġixxu bl-akbar libertà, ma kinux jistennew sena biex jaġixxu fuq allegazzjoni li saret sena ilu, u issa ma jsaqsux huma stess lill-midja Laburista jekk għandhomx l-iċken prova fuq gideb li ħarġu bih jumejn ilu.

“Il-fatt jibqa’ wieħed: il-midja Laburista bi sfida quddiemhom biex iressqu kull prova li suppost għandhom quddiem il-Puliżija fi żmien 24 siegħa ma ressqu ebda provi. Li tigdeb mingħajr ma tkun kapaċi tressaq ebda prova huwa aġir li jmur kontra li tkun tassew qed tagħti servizz serju lill-pubbliku, mingħajr manipulazzjoni, u anki kontra l-prinċipji tad-demokrazija.”

“Il-verita’ ma jista’ jmerihau jaħbiha ħadd.” Temm jgħid Adrian Delia.