Lokali Qorti

In-Network tas-Soċjetà Ċivili jitlob inkjesta ġdida dwar il-kumpanija Egrant

In-Network tas-Soċjeta Ċivili qiegħed jgħajjat għal inkjesta mill-ġdid fil-każ tal-Egrant – inkjesta illi qatt ma laħqet it-tir tagħha.

Dan wara li tqajmu dubji serji fl-integrità tal-eks-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar – illi qiegħed jiġi investigat kriminalment talli allegatament għen indirettament fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Cutajar kien is-superjuri tal-istess pulizija li investigaw l-Egrant fl-inkjesta maġisterjali taħt Aaron Bugeja, li llum inħatar imħallef. Dak iż-żmien kienu għadhom fil-poter Joseph Muscat u Keith Schembri, wieħed li kellu jirriżenja wara għadd ta’ protesti nazzjonali, u l-ieħor illi wkoll qiegħed taħt investigazzjoni kriminali.

L-inkjesta l-ġdida għandha tkun usa’ fl-iskop tagħha u għandha terġa’ ssir mingħajr l-possibbiltà tal-influenza ta’ min kien qiegħed jiġi investigat. Malta ħaqqha aħjar milli ħadet s’issa. Is-saga politika mhix se tintemm sakemm tinġieb ġustizzja fuq min għamel tant ħsara lil Malta. Il-ġustizzja tista’ titwettaq biss jekk toħroġ il-verità, u din għandha tkun fost l-ogħla prioritajiet.