Lokali

Persuna bi ġrieħi serji wara inċident bejn vettura u rota

Ċiklist ta’ 29 sena, residenti San Ġwann, kellu jittieħed l-Isptar Mater Dei, wara li kien involut f’inċident tat-traffiku.

Kien għall-ħabta ta’ nofsinhar meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien seħħ inċident bejn vettura u rota fi Triq Tul il-Kosta, in-Naxxar u li kien hemm persuna li sofriet xi ġrieħi.

Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fil-post, fejn minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li seħħ impatt bejn vettura tat-tip Daf CF li kienet wieqfa u s-sewwieq tar-rota.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li assista lis-sewwieq tar-rota u permezz t’ambulanza ttieħed l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa.

Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Audrey Demicoli li ħatret diversi esperti biex jgħinu fl-inkjesta li nfetħet filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.