Lokali

“Int għandek obbligu lejn Malta” – Ittra ta’ Republika lill-Prim Ministru

F’ittra mibgħuta lill-Prim Ministru Robert Abela, l-għaqda Republika appellat biex Abela jaħtar team konġunt bejn il-Europol u l-Pulizija Maltija sabiex jinvestiga l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u l-korruzzjoni marbuta magħha.

Din l-ittra nkitbet wara l-istorja mxandra llum mill-aġenzija Reuters u t-Times of Malta dwar il-qliegħ ta’ miljuni li l-kumpanija ta’ Yorgen Fenech 17
Black għamlet fi ftit jiem wara li l-Enemalta xtrat windfarm fil-Montenegro hija xokkanti, partikolarment meta wieħed jikkonsidra r-relazzjoni ta’ din il-kumpanija ma’ kumpaniji ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri.

L_ittra kompliet tgħid li l-ġurnalisti, bir-riżorsi limitati li għandhom, qed jiskopru skandli kbar waqt li huwa ċar li jew il-Pulizija għażlet li tħares in-naħa l-oħra jew saħansitra qed tgħatti lill-politiċi korrotti. Huwa evidenti li numru ta’ uffiċjali għolja tal-Pulizija Maltija huma kompromessi, qalet l-itrra lill-Prim Ministru.

“Prim Ministru, Int għandek ir-responsabiltà li ma tħallix li din il-mewġa ta’ ħmieġ tkompli tkaxkar isem pajjiżna. Int għandek id-dmir li tara li f’pajjiżna jkun hawn ġustizzja li ma tħares lejn wiċċ ħadd, anke jekk kien Prim Ministru qablek. Int għandek obbligu lejn Malta biex il-verità tkun magħrufa. Intennu l-appell tagħna biex tħallix lil dawk li tradew lill-pajjiżna u qed jipperikolaw il-ġid tagħna lkoll jaħarbu mill-ġustizzja. Ara li l-investigazzjoni fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-korruzzjoni marbuta miegħu ikunu investigati bis-serjetà u sal-qiegħ minn team konġunt tal-Europol u l-Pulizija Maltija.” temmet tgħid l-ittra ta’ Republika.