Lokali

L-ALPA u l-Air Malta f’rikors konġunt f’tentattiv li jaslu għal ftehim

Il-union tal-Piloti, l-ALPA  u l-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta ppreżentaw rikors konġunt quddiem l-Imħallef Toni Abela li fih qalu li t-tir tagħhom huwa li jaslu għal ftehim fuq it-tkeċċija ta’ 69 pilota mill-linja tal-ajru u biex għaldaqstant dan kollu jiġi evitat.

Meta kellu jibda jinstema’ r-rikors bejn il-partijiet l-avukati miż-żewġ naħat infurmaw lill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili li huma se jagħmlu tentattiv biex jaslu fi qbil u kien għalhekk li qegħdin jagħmlu talba flimkien.

L-Imħallef Abela filwaqt li awguralhom biex jaslu u biex jaraw li ħadd ma jbati nfurma lill-partijiet li jekk ma jaslux, is-smigħ għandu jsir nhar il-Ġimgħa 26 ta’ Ġunju fis-1.30pm. mingħajr ebda skossi biex jinstemgħu l-provi.

L-Imħallef  spjega lill-partijiet li dak inhar, jekk il-ftehim ma jseħħx, xi ħaġa li huwa ma awgurax li jsir, huwa jrid jisma’ kollox u jiddeċiedi. Aktar kmieni dan ix-xahar kien sar  mandat ta’ inibizzjoni mill-union tal-Piloti l-ALPA kontra l-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta ddeċidiet li tkeċċi 69 pilota.

Il-mandat kien ippreżentat fil-Qorti mill-Avukat tal-ALPA Andre Portelli u ffirmat mill-Kaptan Dominic Azzopardi. Għall-Air Malta qed jidher l-Avukat Aaron Galea Cavalazzi.