Lokali

L-ittra tar-riżenja ta’ Chris Cardona għadha mistura

Għaddew tliet ijiem minn meta tħabbret ir-riżenja ta’ Chris Cardona minn Deputat Mexxej tal-Partit Laburista. Iżda s’issa Chris Cardona ma deher imkien, filwaqt li l-ittra tar-riżenja baqgħet tinżamm sigrieta mill-Partit Laburista.

Persuna li faħħar lil Chris Cardona ta’ xogħolu, għaliex fi kliemu hu “Laburist ta’ vera” kien il-Ministru Ian Borg. Għalkemm meta mistoqsi jekk jaqbilx li kellu jirriżenja, Ian Borg dawwar id-diskors u qalilna li Cardona rriżenja wara li tkellem mal-Prim Ministru Robert Abela.

Staqsejna lil Ministru Ian Borg jekk jaqbilx li Chris Cardona jitpoġġa taħt investigazzjoni kriminali fejn saħaq li mhux affari tiegħu u min hu inkarigat minn dan jagħmel sew li jħares lejn dawn l-akkużi.

L-aħħar darba li deher Chris Cardona kien ftit sigħat qabel ir-riżenja mħabbra mill-Partit Laburista.  Ian Borg qal li minn dakinhar tkellem miegħu, iżda bħal bqija tal-pajjiż għadu ma rax il-famuża ittra li baqgħet mistura.

Intant, Net News tkellem ma’ George Azzopardi, il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, li ma setax iwieġeb il-mistoqsijiet tagħna fil-ħin li ċempilna. Kien għalhekk illi ftehmna miegħu li nċemplulu ftit wara. Kif ftehmna ma’ George Azzorpadi nnifsu, hekk għamilna, għal darba tnejn tlieta.. iżda baqa’ qatt ma weġibna.