Futbol Sport

Leroy Sane se jħalli lil Manchester City

(Ritratt: EPA)

Il-kowċ ta’ Manchester City Pep Guardiola ħabbar li l-winger Ġermaniż Leroy Sane se jkun qiegħed iħalli l-klabb. Dan wara li l-plejer irrifjuta li jiffirma kuntratt ġdid. Il-kuntratt tal-plejer jintemm is-sena d-dieħla, bil-plejer se jitħalla jitlaq anke f’dan is-suq tat-trasferimenti. Skond Guardiola jidher li l-plejer ġie offrut aktar minn kuntratt wieħed bil-Ġermaniż baqa’ jirrifjuta.

Sane ssieħeb lil Manchester City fl-2016 fejn minn dakinhar hu lagħab 89 partita fejn skorja 25 gowl. Il-winger ta’ 24 sena għadu ma lagħabx dan l-istaġun wara li fil-finali tal-Community Shield kontra Liverpool kien weġgħa l-ligamenti tal-cruciate bil-plejer kien mistenni jdum nieqes sa Frar. Sfortunatament iżda ftit taż-żmien wara l-futbol ġie sospiż minħabba l-pandemija. Fl-aħħar snin Sane kien viċin ferm li jirritorna pajjiżu fejn kien hemm interess qawwi miċ-champions Ġermaniżi Bayern Munich.