Futbol Sport

Liverpool jittamaw li jersqu pass eqreb lejn ir-rebħ tal-kampjonat wara 30 sena

(Ritratt: EPA)

Wara li nhar l-Erbgħa, rritorna l-Premier League b’żewġ partiti li ġew rkuprati, fi tmiem il-ġimgħa jirritorna programm sħiħ ta’ logħob fejn jispikkaw il-partiti Liverpool v Everton u Tottenham Hotspur kontra Manchester United.

F’Goodison Park, fid-derby ta’ Mersyside Everton jilqgħu lil Liverpool. Liverpool jinsabu fil-quċċata tal-klassifika b’22 punt vantaġġ u jonqoshom biss żewġ rebħiet biex ikunu nkurunati champions wara tletin sena. Everton min naħa tagħhom jittamaw li jkunu ta’ sfida denja għar-rivali tagħhom fejn b’rebħa kontra Liverpool jkunu laħqu l-erbgħin punt li tfisser salvazzjoni fl-ogħla diviżjoni.

Manchester United jittamaw li jersqu qrib ta’ Chelsea fir-raba’ post tal-klassifika meta fit-Tottenham Hotspur Stadium huma jaffaċċjaw lit-tim ta’ Jose’ Mourinho. Fl-iskwadra ta’ United mistennija jirritornaw numru ta’ plejers wara li kienu għal żmien twil neqsin minħabba injury fejn fosthom jirritornaw Marcus Rashford u Paul Pogba. Għal Tottenham din se tkun partita importanti fl-aspirazzjonijiet tagħhom biex jiksbu r-raba’ post. Għal Tottenham ukoll mistennija jirritornaw numru ta’ plejers fosthom il-captain tat-tim Nazzjonali Ingliż Harry Kane u l-akkwist il-ġdid li għamlu f’Jannar Steven Bergwijn.

Chelsea jilagħbu barra minn darhom kontra Aston Villa fejn it-tim ta’ Frank Lampard se jkun qed jittama li jikkonsolida r-raba’ post f’partita kontra tim li qiegħed jiġġieled r-relegazzjoni. Chelsea diġa bdew jaħsbu għall-istaġun li ġej fejn ilbieraħ ħabbru l-akkwist tal-Ġermaniż Timo Werner. Għal Aston Villa din se tkun partita diffiċli biex jiksbu tliet punti li jgħinuhom fil-ġlieda tagħhom kontra r-relegazzjoni wara staġun wieħed fl-ogħla diviżjoni.

Fl-Annex Stadium, Brighton and Hove Albion jospitaw lil Arsenal. Brighton jittamaw li jiksbu tliet punti meta jinsabu biss żewġ punti l-bogħod miż-żona relegazzjoni. Arsenal min naħa tagħhom se jkunu qed jittamaw li jiksbu t-tliet punti wara li nhar l-Erbgħa fl-Etihad Stadium tilfu kontra Manchester City bl-iskor ta’ 3-0. Mikel Arteta se jkun mingħajr id-difensur David Luiz wara li tkeċċa kontra Manchester City.

It-Tnejn, Manchester City jittamaw li jkomplu jsaħħu t-tieni post meta f’darhom jilqgħu lil Burnley. Minkejja li kienu dominanti kontra Arsenal, it-tim ta’ Pep Guradiola deher xi ftit nieqes mill-motivazzjoni. Għat-tim ta’ Sean Dyche, rebħa tfisser li t-tim tiegħu jitla’ mal-ewwel għaxra fil-klassifika tal-Premier league.

Logħob li jmiss: Illum: Norwich v Southampton 7.00pm, Tottenham v Man. Utd 9.15pm Għada: Watford v Leicester 1.30pm, Brighton v Arsenal    4.00pm, West Ham v Wolves 6.30pm, Bournemouth v C. Palace 8.45pm Il-Ħadd: Newcastle v Shef. Utd 3.00pm, Aston Villa v Chelsea 5.15pm, Everton v Liverpool 8.00pm It-Tnejn: Man.City v Burnley 9.00pm