Futbol Sport

Numru ta’ akkwisti ġodda kif ukoll bosta plejers iġeddu l-kuntratt għal Żejtun Corinthians

(Ritratt: Paġna ta' Facebook Żejtun Corinthians)

It-tim neo-promoss Żejtun Corinthians fl-aħħar jiem kienu mpenjati ferm fis-suq tat-trasferimenti fejn minbarra li akkwistaw numru ta’ plejers ġodda li se jkunu qed jgħinu lit-tim bl-esperjenza tagħhom fil-Kampjonat Premier, huma wkoll ġeddew bosta kuntratti ta’ numru ta’ plejers li kienu magħhom fl-istaġun li għadda.

Fost l-akkwisti l-ġodda li għamlu, Żejtun ħabbru lil Anderson De Barros li l-istaġun li għadda kien ma’ Gudja United. Huma rreġistraw ukoll lil eks plejer ta’ Sirens Ricardinho Faria li fl-istaġun li għadda, għen lil Sirens jiksbu post fl-Ewropa għall-ewwel darba fl-istorja tal-klabb. Żejtun ħabrru wkoll l-akkwist tal-eks captain ta’ Pietà Hotspurs Christian Grech. Hu diġa għandu esperjenza fil-Kampjonat Premier hekk kif lagħab għal Pietà fl-istaġun 2018/19.

Minbarra hekk huma ħabbru wkoll li l-captain preżenti Adrian Carabott se jibqa’ mat-tim kif ukoll, id-difensur laterali Neil Tabone, l-attakkant Brażiljan Robeiro Nascimento, il-midfielder Dylan Agius u l-midfielder Marcelo Muniz.