Lokali

Provi ġodda juru li 17 Black daħħlet €4.6 miljun mill-proġett tal-Gvern Laburista fil-Montenegro

10 t’ijiem qabel ma nxtraw il-windfarms fil-Montenegro mill-Enemalta, il-kumpanija Nexia BT kienet qed tiftaħ kumpaniji sigrieti għal Konrad Mizzi u Keith Schembri b’konessjoni mal-kumpanija 17 Black.

Mid-deal tal-Montenegro, is-sid ta’ 17 Black daħħal €4.6 miljun. Dan ħareġ minn evidenza żvelata mill-Aġenzija Reuters u mit-Times of Malta.

Illum nafu li 17 Black hija ta’ Yorgen Fenech, pero l-istess dokumenti żvelati fl-aħħar sigħat juru li b’konnessjoni ma’ dan kollu hemm ukoll il-kumpnaija Macbridge li sal-lum għadna ma nafux ta’ min hi.

L-allegat kompliċi fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, daħħal €4.6 miljun fi profitt permezz tal-kumpanija tiegħu 17 Black wara d-deċiżjoni tal-Enemalta li tixtri windfarm fil-Montenegro.

Rekords pubbliċi juru li l-Enemalta ħallset €10.3 miljun biex takkwista l-ishma tal-windfarm minn kumpanija bl-isem Cifidex fit-28 ta’ Diċembru, 2015.

Madankollu, ġimagħtejn biss qabel, Cifidex xtrat dawk l-istess ishma għal €2.9 miljun mingħand Fersa Renovables, konsorzju Spanjol mogħti konċessjoni mill-Gvern tal-Montenegro fl-2010 biex imexxi l-windfarm. L-ishma nxtraw mingħand Fersa Renovables għal terz tal-prezz imħallas mill-Enemalta.

L-evidenza turi li Cifidex iffinanzjat ix-xiri tal-ishma permezz ta’ ħlas ta’ €3 miljun trasferiti minn 17 Black fi tmiem Novembru 2015.

Sa Ġunju tal-2016, Cifidex kienet bagħtet lura lil 17 Black it-€3 miljun imsemmija flimkien ma ammont addizzjonali ta’ mill-inqas €4.6 miljun. Dan kien konfermat minn tliet sorsi li għandhom aċċess għall-kontijiet bankarji ta’ 17 Black f’Dubai.

Fatt li wieħed tajjeb jinnota hu li skont sors li tkellem ma Reuters, Cifidex hija proprjetà ta’ Turab Musayev, li huwa eżekuttiv ta’ SOCAR Trading, is-sussidjarja tal-kumpanija taż-żejt tal-Azerbajġan, SOCAR.

Musayev, li għandu passaport Ingliż, kien assoċjat man-negozju ta’ Yorgen Fenech meta ż-żewġt irġiel kienu ko-diretturi ta’ konsorzju li fl-2017 li bena impjant tal-gass ta’ 450 miljun ewro f’Malta. Skont rekords pubbliċi, Musayev irrapreżenta lil SOCAR Trading, li kien jippossjedi terz tal-konsorzju.

Dwar dan kollu Joseph Muscat u Konrad Mizzi qalu li ma jafu xejn filwaqt li Keith Schembri ma kienx disponibbli.