Lokali

Skiet totali minn Nexia BT

Brian Tonna u Karl Cini ta' Nexia BT

F’nofs dik li qed tiżviluppa f’maltempata qawwija ta’ skandli wieħed wara l-ieħor, li d-dettalji tagħhom ħerġin ftit ftit, silenzju assolut minn naħa ta’ dawk li isimhom qed jibqa’ jiċċappas f’dawn l-istejjer xokkanti.

7 xhur wara li Net News żar l-uffiċini ta’ Nexia BT f’San Ġwann biex ikellem lil Brian Tonna, wieħed mill-partners tal-kumpanija, għadna qed nistennew li nirċievu tweġiba għall-email li konna bagħtna fejn tlabna laqgħa u intervista ma’ Tonna.

Dakinhar li morna fl-uffiċini tagħhom, persuna li kellmitna qaltilna li Tonna ma kienx hemm u ma kienx se jkun hemm dakinhar, u wegħditna li jekk nibagħtu email u nitolbuh jiltaqa’ u jikellem magħna, hu kien iweġibna.

Iżda Net News ilu mis-27 ta’ Novembru li għadda jistenna t-tweġiba ta’ Brian Tonna.

Dan minkejja li ntbagħtu emails oħra biex infakkru lil Nexia BT dwar din it-talba.

Brian Tonna flimkien ma’ Karl Cini kienu waqqfu l-kumpaniji sigrieti ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi, Hearnville u Tillgate. Dan sar fl-istess żmien li twaqqfet ukoll il-kumpanija Egrant li sa issa għad mhemmx konferma ta’ min hi.

It-target clients ta’ Hearnville u Tillgate kellhom ikunu l-kumpanija 17 Black ta’ Yorgen Fenech u l-kumpanija sigrieta Macbridge.

U llum ħarġu provi ġodda li juru kif il-kumpanija sigrieta ta’ Yorgen Fenech kienet daħħlet miljuni kbar minn deal li ghamel il-Gvern ta’ Muscat fil-Montenegro għal proġett tal-windfarms.

F’email li bagħtu lil Mossack Fonseca (ditta legali fil-Panama), Nexia BT qalu li ż-żewġ kumpaniji tal-eks Chiefs of Staff u tal-eks Ministru kellhom jirċievu fihom pagamenti mill-kumpanija 17 Black ta’ Fenech, implikat fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Hearnville u Tillgate kellhom jirċievu €5,000 kull wieħed kull KULJUM minn 17 Black.