Għawdex Lokali Saħħa

Steward HealthCare qed timpjega l-barranin minflok infermiera Għawdxin

L-isptar ġenerali ta' Għawdex

Steward Health Care b’mod kontinwu qed timpjega infermiera barranin f’Għawdex għad-detriment ta’ infermiera Għawdxin u li jaħdmu f’Malta. Dan qed joħloq inkonvenjent għall-familjari ta’ dawn l-Għawdxin.

Dan intqal mill-Grupp Universitarji Għawdxin (GUG) fejn stqarru li huwa inġust ħafna li infermiera barranin impjegati minn Steward Health Care qegħdin jieħdu l-postijiet tax-xogħol f’Għawdex.

Il-GUG stqarret li l-infermieri li joqogħdu Għawdex m’għandhomx għalfejn jiffaċċjaw is-sitwazzjoni ta’ vjaġġ kuljum lejn Malta kuljum minħabba nuqqas ta’ impjieg f’Għawdex u lanqas ma għandhom jgħixu Malta minħabba xogħolhom. Steward Healthcare trid tirrispetta l-aspett soċjali tal-gżira Għawdxija u tevita t-tbatija tal-professjonisti Għawdxin fil-qasam tal-kura tas-saħħa, li m’għandhom l-ebda għażla ħlief li jaħdmu jew jistudjaw f’Malta kuljum, kompliet tgħid l-istqarija.

Huma kwotaw lil Paul Pace, il-President tal-MUMN, li saħaq li “Huwa inaċċettabbli li Steward Health Care trid timpjega infermiera barranin fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex meta infermiera Għawdxin li qed jaħdmu f’Malta jistennew li jkunu trasferit.”

Il-GUG stqarru li din it-talba mhux qed issir b’diżrispett lejn ħaddiema barranin f’pajjiżna, madankollu jemmnu li l-infermiera Għawdxin jistħoqqilhom jingħataw prijorità meta Steward Healthcare jagħżlu ħaddiema għal Għawdex.

L-istqarrija kompliet tgħid li l-gvern huwa responsabbli mill-infermiera Għawdxin u l-familji tagħhom u għandu jiżgura li huma jiġu trasferiti lejn Għawdex mill-aktar fis possibbli. Il-GUG sejħet l-aġir tal-Gvern u Steward bħala insult għar-residenti kollha ta’ Għawdex.

Il-GUG temmew jgħidu li ħafna Għawdxin iridu jivjaġġaw sigħat twal biex jaslu għax-xogħol hekk kif l-opportunitajiet f’Gġawdex meta kkumparat ma’ Malta qed ikomplu jonqsu.

L-istqarrija temmet tgħid li huwa inaċċettabbli li jimpjegaw barranin minflok Għawdxin. “Dan hu tassew intollerabbli għal dawk li l-unika xewqa tagħhom hija li jaħdmu fuq il-gżira tagħhom stess qrib id-dar.” qalu l-GUG.