Sport Sport Ieħor

Thomas Borg rebbieħ tal-Atlas Żagħżugħ tax-xahar għal Mejju

(Ritratt: Atlas Insurance/ MSJA)

L-atleta paralimpiku Thomas Borg ġie premjat bl-unur Atlas Żagħżugħ tax-xahar għal Mejju wara li minkejja l-pandemija tal-coronavirus iż-żgħażugħ ta’ 18 –il sena baqa’ attiv. Borg beda jippratika l-għawm b’mod kompetittiv fl-2015 taħt il-gwida tal-kowċ Ebi Ebidaniad. Borg kien ukoll jilgħab il-futbol, qatta’ xi żmien fin-nursery ta’ Melita.

Wara xi żmien jippratika l-għawm, hu kien magħżul biex jifforma parti mit-tim Nazzjonali tal-Para Swimming taħt il-gwid tal-kowċ Isabelle Zarb fejn idebutta f’kompetizzjoni internazzjonali fit-Turkija. Borg ħa sehem ukoll f’bosta kompetizzjonijiet internazzjonali oħra fosthom fl-Italja u f’ Londra.

Fl-aħħar xhur kien jinsab għaddej bit-taħriġ għal Paralimpjadi ta’ Tokjo li kellhom isiru din is-sena iżda ġew posposti għas-sena d-dieħla minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Il-preżentazzjoni tat-trofew saret minn Matthew von Brockdroff, Chief  Executive ta’ Atlas Insurance. Fost dawk li attendew kien hemm il-President tal-Moviment Parlimpiku ta’ Malta u l-Professur Joseph Grima kif ukoll membri tal-Għaqda Ġurnalisti Sports.