Lokali

Tliet ġuvintur jisirqu ammont ta’ flus kontanti minn stabiliment fil-Belt

Il-Pulizija tal-Għassa tal-Belt Valletta qed tinvestiga tliet ġuvintur bejn 13 u
22 sena, li allegatament wettqu serqa minn stabilliment fi Triq it-Teatru l-Antik, il-Belt.

Ilbieraħ, għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħodu, sid il-ħanut mar fl-Għassa biex
jirrapporta li kien għadu kif ġie misruq u li sab ix-shutter maqlugħ minn postu.

Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post u minn investigazzjonijiet preliminari rriżulta li l-cash register kienet sgassata u nsteraq ammont ta’ flus kontanti. Minn investigazzjonijiet intensivi li saru mill-Pulizija tad-Distrett, ġew identifikati t-tliet żgħażagħ, ilkoll residenti l-Belt Valletta, li qed jiġu mitkellma mill-Pulizija għal aktar stħarriġ.

It-tliet żgħażagħ mistennija jitressqu l-Qorti fil-jiem li ġejjin, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.