Futbol Sport

Tottenham u Manchester United fi draw f’partita mimlija azzjonijiet

(Ritratt: EPA)

F’partita mimlija azzjonijiet fit-Tottenham Hotspur Stadium, Tottenham u Manchester United temmew fi draw ta’ 1-1.Għaż-żewġ timijiet irritornaw numru ta’ plejers li kienu neqsin minħabba injury fl-aħħar partiti qabel is-sospensjoni tal-kampjonat.

Kienu Manchester United li ħolqu l-ewwel ċans denju tal-partita meta minn pass ta’ Fernandes kien Marcus Rashford li b’xutt mal-ewwel fil-baxx ra lil Lloris isalva b’saqajh.

Fis-27 minuta t-tim ta’ Jose Mourinho mar fil-vantaġġ meta STEVEN BERGWIJN wara ġirja personali spara xutt b’saħħtu għeleb lil David De Gea li deher inċert. Ħames minuti wara reġa’ kien Bergwijn li ħoloq il-problemi għad-difiża ta’ United meta wara ġirja tajba mal-linja ta cross lejn Son li d-daqqa ta’ras tiegħu ġiet salvata b’mod akrobatiku minn De Gea.

L-introduzzjoni ta’ Paul Pogba fit-tieni taqsima żiedet ftit ir-ritmu ta’ Manchester United u kien save eċċellenti ta’ Hugo Lloris li ċaħħad lil Martial milli jġib id-draw fil-65 minuta. Għaxar minuti mit-tmiem Paul Pogba twaqqa’ fil-kaxxa min Eric Dier bir-referee jordna penalty għal Manchester United bi BRUNO FERNANDES minn ħdax –il metru ma jiżbaljax. Lejn l-aħħar United ħasbu li ngħataw penalty ieħor bid-deċiżjoni permezz tal-VAR tkun fin-negattiv.

Fl-ewwel partita li kellna llejla minn programm sħiħ, Southampton għelbu lil Norwich 3-0. Kienu Norwich li fetħu tajjeb u mal-ewwel marru fuq l-offensiva. Wara numru ta’ okkażjonijiet fl-ewwel minuti, kien xutt tal-Fillandiż Teemu Pukki li wara kontra-attakk tajjeb ġie devjat għal corner.

Southampton wieġbu għal dan u fl-34 minuta minn żball defensiv ta’ Norwich kien Danny Ings li ra x-xutt tiegħu jaħbat mal-lasta. Is-Saints komplew fuq tmiem l-ewwel taqsima u wara biss erba’ minuti minn ftuħ it-tieni taqsima kien DANNY INGS li tefa’ lil Southampton fil-vantaġġ wara konfużjoni fid-difiża ta’ Norwich. B’dan il-gowl Ings sar l-aktar plejer li skorja fi staġun wieħed wara James Beattie. It-tim ta’ Ralph Hasenhüttl kompla jtejjeb fil-logħob tiegħu u fl-54 minuta kien STUART ARMSTRONG li b’xutt tajjeb fil-baxx rdoppja fuq assist ta’ Ings biex għamilhom 2-0.

Norwich dehru li għadhom ma sabux il-forma wara l-waqfa twila minħabba l-pandemija tal-coronavirus. Tant hu hekk li fid-79 minuta NATHAN REDMOND żied ieħor temm l-partita wara żball ieħor mid-difiża ta’ Norwich.

Logħob li jmiss: Illum: Norwich v Southampton 0-3, Tottenham v Man. Utd 1-1 Għada: Watford v Leicester 1.30pm, Brighton v Arsenal    4.00pm, West Ham v Wolves 6.30pm, Bournemouth v C. Palace 8.45pm Il-Ħadd: Newcastle v Shef. Utd 3.00pm, Aston Villa v Chelsea 5.15pm, Everton v Liverpool 8.00pm It-Tnejn: Man.City v Burnley 9.00pm